Dec 29, 2007

Il-qtil ta' Benazir Bhutto

Il-qtil tal-mexxeja tal-Partit Popolari tal-Pakistan, Benazir Bhutto iddomina x-xena ta’ l-aħbarijiet internazzjonali tul l-aħħar jumejn.

Dan il-qtil kien sfortuna kbira għall-poplu Pakistani li fi ftit jiem oħra kellu jersaq għall-vot biex jerġa jpoġġi lil pajjiżu lura fuq it-triq tad-demokrazija. S’ issa għadu mhux ċar la min wettaq l-attakk. Hemm suspetti li kienu elementi fl-Armata Pakistana stess. Anqas hu ċar jekk dan il-qtil hux ser ikollu effett fuq it-tkomplija tal-proċess elettorali. S'issa il-partit ta' Bhutto ma hax posizzjoni jekk hux se jibbojkotja jew le l-elezzjonijiet.

Sadanittant thabbar illum li ghada r-ragel ta' Benazir se jaqra t-testiment politiku taghha li probabilment jaghti hjiel ta' x'decizzjoni jiehu l-partit taghha.

Li hu żgur hu li l-pajjiż issa jinsab fuq xifer ta’ gwerra ċivili – sitwazzjoni delikata ħafna meta wieħed iżomm f’moħħu li l-Pakistan qiegħed fil-klabb tal-potenzi nuklejari b’mill-inqas 20 bomba atomika fil-hazniet tiegħu.

It-telfa ta’ Bhutto, li bħal missiera spiċċat vittma għal-libertà tal-poplu tagħha, ser tibqa tinħass, għax ftit hemm nies tal-kalibru tagħha li jistgħu jieħdu r-riedni politiċi f’idejhom. Nispera biss li l-irjus jikkalmaw u dan il-pajjiz mifni bi problemi socjo-ekonomici jghaddi minn process tal-kisba mill-gdid tad-demokrazija. Fuq kollox din kienet ix-xewqa ta' Benazir u ghalhekk irritornat f'pajjizha.

No comments: