Jun 16, 2011

Zewg progetti ohra ta' kwalita'

Dalghodu tghaxxaqt nara The President’s Kitchen Garden li l-President tar-Repubblika, Dr.George Abela, fetah bhala attrazzjoni gdida mal-gonna ta’ San Anton. Niftakar li meta l-President talabni mmur nara l-post xi sena u nofs ilu kont rajt post b’potenzjal kbir izda mhux sfruttat. Kien laqatni l-kuncett li kellu f’mohhu u weghdtu li nghinuh iwettaq il-holma tieghu li jiftah ghall-pubbliku din il-parti tal-Palazz. Il-holma twettqet u issa ghandna spazju iehor ta’ kwalita mahsub biex ikun centru edukattiv u kreattiv ghat-tfal u l-familji.

Taht it-tmexxija tal-Perit Jeanne Frendo mir-Restoration Unit fi hdan il-Ministeru tieghi, haddiema mill-istess unit ghamlu xoghol estensiv ta’ restawr kemm fuq il-gebla kif ukoll fuq l-injam, filwaqt li haddiema ohra tat-Taqsima tax-Xoghlijiet ghamlu parti konsiderevoli tax-xoghol fuq installazzjoni ta’ dawl, ilma u funtani. Bhala Ministeru ghinna wkoll sabiex saret sezzjoni b’annimali. Kienet ix-xewqa tal-President li fil-gonna jerga jkun hemm l-annimali, izda issa ghandhom spazji ferm aktar adegwati milli kellhom qabel. Laqatni l-fatt li l-President irnexxielu jlaqqa l-hiliet ta’ hafna nies u organizazzjonijiet bhal Heritage Malta u l-Ministeru tal-Edukazzjoni biex sawwar dan il-progett integrat.

Progett iehor li se jkun inawgurat dan il-weekend huwa dak tax-Xatt kollu ta’ M’Xlokk, fejn b’investiment ta’ €2 miljun ghal darb’ohra qed nergghu nagħtu aktar spazju miftuħ u msebbaħ għal familji tan-naha t’isfel ta’ pajjizna u dawk kollha li jzuru dan l-aktar post marbut mas-sajd f’pajjizna. Il-proġett beda sentejn ilu u kien maqsum fi tlett fażijiet. L-ewwel ma bdejna kien billi wessajna l-bankina ta’ man-naħa tal-ħwienet u djar, għaddejna s-servizzi kollha ġodda minn taħt il-bankina u ssebħet b’materjal tal-qawwi u l-porfido. Fl-istess hin għamilna wkoll it-triq mill-ġdid inkluz s-servizzi godda tad-drenagg. Komplejna mbaghad fit-tieni fazi billi sebbaħna x-xatt b’pavimentar ġdid fuq medda ta’ madwar 9,200 metru kwadru t'art. Installajna dawl dekorattiv kif ukoll street furniture li tixraq lil dan il-post minghajr ma ntellfu l-attivita’ lis-sajjieda. Insistejna li jitħallewx jitilgħu vetturi fuq il-pavimentar il-ġdid halli nibzghu ghall-investiment li sar.

It-tielet fażi tal-proġett kienet tikkonsisti fil-bini mill-ġdid tal-pjazza prinċipali ta’ Marsaxlokk u faccata taghha fejn qabel kien hemm carpark. Fil-pjazza nstallajna funtana, filwaqt li faccata tal-pjazza fl-għajn antika nstallajna monument f’ġieħ is-sajjieda kollha. Dan l-investiment juri biċ-ċar ukoll kemm il-Gvern irid li b’mod konkret jinvesti fit-tisbih taz-zoni kollha ta' pajjizna, specjalment iz-zoni l-aktar importanti marbuta mal-attivita' turistika ta' pajjizna. Dan l-investiment juri wkoll kemm hi ngusta l-kritika tal-Opposizzjoni li tghid li l-Gvern jinvesti minn fejn jigu l-voti u fejn ma jsibx l-appogg ma jaghmel xejn. M’ghandix dubju li l-Kunsilliera Lokali inkluz dawk li ma jappoggjawx lil PN, illum jistghu anke huma jkunu xhieda tal-impenn taghna li naghtu prodott ta’ kwalita’ lil din il-lokalita’, anke jekk forsi eccedejna l-pjanijiet originali taghna.

No comments: