Jul 1, 2011

Tislima lil Mario wara 10 snin

Lil Mario Muscat sirt nafu meta kelli ħmistax-il sena waqt li kont is-Seminarju Minuri. Niftakar li waħda mill-aktar affarijiet li kienet laqtitni fih mill-ewwel kienet dik li minkejja li kellu difett fiżiku minħabba n-nuqqas ta’ id, kien jagħmel minn kollox biex ma jħallix dak id-difett ixekklu milli jagħmel dak kollu li jagħmlu l-kumplament tan-nies ‘normali’.

Għalija Mario kien ‘normali’ kif kien. Meta ħalla s-Seminarju kont ikkonvincejtu jimpenja ruħu fl-SDM (Studenti Demokristjani Maltin) u fil-Kunsill ta’ l-Istudenti tal-Liċeo l-Ġdid. Tista tgħid li meta spiċċajt minn President tal-Kunsill ta’ l-Istudenti ħa t-tmexxija hu. L-istess ġara meta spiċċcajt minn President tal-MŻPN. Għalija kulfejn ħdimt kien is-suċċessur naturali. Kont inħossni rasi mistrieħa nitlaq minn post ghax naf li nista nafda fih !

Fiż-żmien li ghamilna flimkien fl-MŻPN ir – relażżjoni ta’ bejnietna kompliet tissaħħaħ fost id-diversi esperjenzi li għaddejna minnhom. Kien kapaċi jbni fuq proposta tajba u idea jagħmilha pulita, moderna u attraenti. Ma nistax ngħid li ma kellux rasu iebsa. Iżda ma kienx arroganti. Kien jipprova jfiehem u jirbaħ argument, iżda dejjem bi stil. Kien tal-prinċipju. Xi kultant taqbiżlu, bħali, iżda ma jżommx fih. Wara ftit malajr tarah jitbissem.

Kont bnejt relazzjoni tal-ġenn ma’ Mario. Forsi wkoll ghax il-background socjali tagħna kien simili ħafna. Konna kapaci nifhmu lil xulxin u nikkomunikaw dak li qed inħossu mingħajr lanqas biss nitkellmu. Bl-anqas moviment jew espressjoni tal-wiċċ konna kapaċi nifhmu jekk xi ħaga hix qed tingħoġob jew le.

L-aktar haġa li kienet togħġobni fih kienet li kien kapaci jisma’. U wara li jkun semgħek jipprova jgħinek jekk jista’ u jekk ma jkollu xejn x’jgħidlek bħala soluzzjoni jgħidlek “ħa nixtarrha...imbagħad nitkellmu”. U veru kien jhewden u mbagħad wara xi ġranet jigi lura. Ir-relazzjoni tiegħu man-nies kienet simili ħafna għar-relazzjoni tiegħu ma’ l-arti, mad-disinn. Jekk mhux fil-muża u ma jħossx li għandu soluzzjoni tajba joqgħod jhewden u jomgħod l-isfida, imbagħad ħafna viċin d-deadline, xi drabi wkoll anzi wara d-deadline, tiġih l-ispirazzjoni u jagħtik biċċa xogħol tal-ġenn. Hekk kien Mario ! Tgħaġġlux...ħallih jaħseb ...u jagħtik risposta.

U l-Mulej fil-fatt hekk għamel ! Kien ilu jittantah f’sens tajjeb ! Infatti lili ġieli kien tgħarrafli xi ħaġa, li kien beda jmur għand id-Dumnikani u bil-ħbiberija tiegħu ma’ Fr Charles Tabone. Iżda qatt ma kont bsart li se jasal biex jibda l-preparazzjoni għal patri. Dakinhar li ġie qalli li se jibda dik l-esperjenza għall-ewwel bgħattu jixxejjer. Konna fit-tieġ ta’ oht il-mara u kif qalli għidtlu “Jaqaw xrobt Muscat !” Iżda hu kien pront qalli “F’sensija aktar minnek, naf x’qed ngħid!” U jien weġibtu lura biex niċċajta “Għamiltek xhud fit-tieg tiegħi biex tagħmel lili f’tiegħek. Issa mhux se naqta’ xewqti !”

Mario ilu sena mhux magħna fizikament, iżda bhal għadu preżenti fostna. Nitkellmu fuqu qiesu għadu magħna. Ngħid għalija għadni ma ħassartx in-numru tiegħu tal-mobile minn fuq il-phonebook tal-mobile tiegħi. Bħal qisu għadni nistenna li jiġi lura.

Fiżikament tlift l-akbar ħabib. Propjament ma naħsibx li tliftu għax xorta għadni nħossni nikkomunika miegħu. Mill-mewt tiegħu ‘l hawn, aktar milli tlift, inħossni li saħħaħt ħbiberija. Matul l-aħħar sena jien u marti saħħahna l-ħbiberija tagħna ma’ familtu. Famija li aktar ma ssir tafha aktar tifhem għaliex Maro kien dak li kien ! (In-Nazzjon 29/06/2002)

1 comment:

Tonio said...

George Kemm ghandek ragun... Lil Mario kont nghidlu li konfessur tieghi qabel ma dahal ghal pre-novizzjat :-). Kien ragel ta veru... jaf jidhak, jibki, jirraguna, jargumenta u ma ninsa qatt il-famuzi Marjati meta taqbizlu c-cinga. Ma noqghodu qatt taht il-karizma u l-qdusija ta dan ... A True Man for all Seasons!!