Aug 11, 2011

Minn iswed ghall-abjad.

Il-qabza fil-kwalita’ tal-imbejjed maltin u ghawdxin fl-ahhar snin hija ndiskutibbli. Parti mis-success hija dovita ghall-ghajnuna li tajna matul l-ahhar snin biex jithawlu aktar dwieli f’pajjizna. F’pajjizna llum ghandna kwazi elf ettaru ta' art bid-dwieli. Tajna madwar €8.5 miljuni fondi Ewropej kemm lil bdiewa li jkabbru d-dwieli kif ukoll lil processuri biex jpoggu fuq is-suq imbejjed ta' kwalita'. Imma ghandna mismatch bejn id-demand u s-supply tal-imbejjed mitluba mill-konsumatur. Is-suq qed jitlob aktar inbid abjad milli effetivament qed jitkabbar għeneb għall-għasir biex ikun prodott l-inbid abjad. Id-dwieli mħawwla f’Malta u Għawdex huma maqsumin 45% għeneb ghall-abjad, 20% għeneb għal-rose, u 35% għeneb għall-inbdid aħmar. Biss minkejja dan il-konsum ta’ inbid fil-gżejjer Maltin huwa maqsum skont dawn il-persentaġġi – Inbid abjad 60%, Inbid Rose’ 10% u Inbid aħmar 30%.

Biex nindirizzaw din is-sitwazzjoni morna biex nintroducu programm ta’ tilqim ta’ dwieli biex minn għeneb aħmar jipproduċu għeneb li jintuża għall-produzzjoni tal-inbid abjad. Il-bierah fil-fatt żort għalqa tad-dwieli, ta’ wieħed minn 40 bidwi li din is-sena bdew igawdu minn dan il-programm. Fost il-varjetajiet ħomor li qegħdin jiġu mlaqqmin hemm Syrah, Tempranillo u Sangiovese liema varjetajiet qegħdin jiġu mlaqqmin għal dawk bojod bħal Chardonnay, Moscato Bianco u Sauvignon Blanc. Sa issa tlaqqmu mal-55 tomna ta’ raba u huwa proġġettat li f’dawn it-tlitt snin li ġejjin ikun tlaqqmu madwar 200 tomna dwieli.

It-teknika użata għat-tilqim użata hija gdida ghal pajjizna u tissejjah Top Grafting. Giet introdotta permezz ta’ kumpanija Franċiża – World Wide Vineyards. Hadna hsieb naraw li waqt li ghaddej dan l-esercizzju jkollna grupp ta’ Maltin li jitghallmu din it-teknika sabiex it-tilqim fil-futur isir minn dawn il-Grafters tal-Organizzazzjoni tal-Produtturi Vitimalta.

Dan it-tilqim qed ikun suċċess tant li r-rata ta’ suċċess kienet ta’ 90%. Il-proġett qed ikun iffinanzjat mill-Ministeru u mill-Organizzazzjoni tal-Produtturi, fejn il-Ministeru qed jiffinanzja s-somma ta’ €100,000 u l-Organizzazzjoni se tiffinanzja s-somma ta’ €40,000 fuq tilqim li jsir fit-tieni u t-tielet sena mill-membri tagħha. B’hekk mhux biss jinqdew il-bdiewa li jkabbru d-dwieli imma jinqeda l-konsumatur li jsib l-imbejjed ta’ kwalita’ ta’ pajjizna li jkun jixtieq hu.

No comments: