Oct 18, 2011

Tislima lil Poeta Nazzjonali

Dalgħodu ħadt l-inizjattiva li npoggi kuruna quddiem id-dar fi Triq Dun Karm Psaila f’Tas-Sliema fejn il-poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila ghex bejn l-1936 u l-1961. F’din id-dar kif tghid il-lapida Dun Karm kiteb fost l-aqwa poeziji tieghu. Proprju llum jahbat il-50 sena mill-mewt tieghu. Fil-fatt Dun Karm Psaila twieled fit-18 t’Ottubru 1871 u miet fit-13 t’Ottubru 1961. Jien ovvjament ma niftakrux izda dawk mill-Parrocca ta’ San Girgor, fejn trabbejt jien, jiftakruh sew. Proprju fil-ftit minuti li kont hdejn id-dar kienu bosta l-anzjani li waqfuni biex jghiduli x’jiftakru fuqu, inkluz kemm kien fitt biex jaghzel il-haxix u l-frott !

Dun Karm jibqa’ mfakkar għax kiteb l-Innu Malti, pero nonqsu jekk ma nfakkrux ukoll il-ħidma siewja ta’ Dun Karm f’oqsma li komplew saħħew l-identita’ nazzjonali tagħna bħala poplu u pajjiż. Fl-1921 Dun Karm intalab jikteb ftit versi għal biċċa mużika ta’ Robert Samut u l-Innu Malti indaqq għall-ewwel darba fl-1923. Fl-1941 ingħata l-istatus ta’ innu nazzjonali, liema status kien ikkonfermat bil-kostituzzjoni tal-Indipendenza tal-1964.

Ħadem kemm felaħ favur il-lingwa Maltija li llum hija wkoll rikonoxxuta bħala waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dun Karm kien wieħed mill-fundaturi tal-għaqda Kittieba tal-Malti u serva wkoll bħala president tagħha. Ix-xogħol tiegħu favur il-lingwa Maltija kien rikonoxxut ukoll b’diploma Honoris Causa mill-Universita’ ta’ Malta li ngħatatlu fl-1945 u li kienet l-ewwel darba li l-Universita’ tat dak l-unur. Unuri oħrajn li ngħatawlu kienu jinkludu t-titlu ta’ Kmandant tal-Ordni tal-Imperu Ingliż u t-titlu ta’ Poeta Nazzjonali li ngħatalu f’ħajtu.

Ħallielna wkoll wirt imprezzabli ta’ kitbiet bil-Malti u ninnota b’sodisfazzjon li l-ħidma ta’ Dun Karm għadha tiġi mgħallma fl-iskejjel tagħna. Hekk biss inkunu qed insellmu lil dan il-poeta u skular u b’hekk niżguraw li x-xogħol tal-poeta nazzjonali tagħna jibqa’ jintiret minn ġenerazzjoni għal oħra.

No comments: