Oct 2, 2011

Zjara utli hafna fl-Iskozja

Ghadni kemm temmejt żjara qasira iżda ntensa ħafna f’Aberdeen fl-Iskozja li l-għan tagħha kien biex nġeddu u nsaħħu r-relazzjonijiet tagħna fil-qasam ta’ deep offshore wind energy installations, jiġifieri installazzjonijiet f’baħar fond ta’ aktar minn 30 metru. L-Iskozja tibqa’ wieħed mill-aktar pajjiżi fejn din it-teknoloġija qed tiżviluppa b’mod l-aktar mgħaġġel, anke għax irnexxielhom iżewwġu flimkien l-esperjenza li għandhom fil-qasam tal-bini ta’ pjattaformi taż-żejt (oil rigs) mal-bini ta’ turbini tar-riħ.

Kellna laqgħat ma’ riċerkaturi, operaturi u awtoritajiet kompetenti fejn ġejna aġġornati bl-iżviluppi li seħħew fl-Iskozja f’dawn l-aħħar snin fil-qasam tal-generazzjoni tal-enerġija nadifa minn deep offshore wind turbine installations. Matul il-laqgħat li kellna qsamna wkoll l-esperjenza taghna tal-istudji li qed naghmlu biex fuq is-Sikka l-Bajda jkollna windfarm li jaghti lil pajjizna madwar 95MW ta’ enerġija nadifa. Il-fond tal-baħar tas-Sikka l-Bajda huwa wieħed bejn 15 u 30 metru u għalhekk huwa kkunsidrat bħala shallow offshore installation. Is-Sikka l-Bajda hija l-uniku sikka f’pajjiżna b’daqs u fond li jagħmilha viabbli li jkollna windfarm fi żmien ragonevoli. Hemm sikek oħra izda huma zgħar wisq u/jew viċin wisq tal-art.

Għaldaqstant jinteressa sew lil pajjiżna jibda jħares lil hemm mill-progett tas-Sikka l-Bajda biex eventwalment nagħrfu nisfruttaw il-wesgħat ferm akbar ta’ baħar li għandna b’fond ta’ bejn 45 u 70 metru. Wieħed irid jifhem ukoll li l-installazzjoni tal-interconnector, li dalwaqt se jkollna mal-grid Ewropew, se jagħmilha ferm aktar faċli li stallazzjonijiet ta’ turbini tar-rih joperaw fit-territorju tagħna ghax se jkunu jistgħu jitfghu l-energija li jiġġeneraw fuq grid ferm akbar.

Matul din iż-żjara, id-delegazzjoni ttieħdet tara żewġ turbini tar-riħ li jiġġeneraw madwar 5MW u huma nstallati f’baħar ta’ madwar 45 metru fond. It-turbini ġew installati fl-2006 u jiffurmaw parti mill-Beatrice Project li kien ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. F’din iż-żjara ddiskutejna wkoll l-iżvilupp ta’ kollaborazzjoni akbar fil-qasam tar-ricerka bejn l-Universita’ ta’ Malta u l-Universita' ta’ Aberdeen. Laqtitni ħafna l-kolloborazzjoni sħiħa li din l-Universita’ għandha permezz tal-iScottish European Green Energy Centre mal-iScotish Development International u l-industrija. Jidher ċar li l-Iskozja qed tinvesti hafna fir-riżorsi umani biex tibqa leader ewlieni f’teknoloġiji bhal dawn, u ċert li b’kollaborazzjoni akbar magħhom se nibbenifikaw.

No comments: