Nov 15, 2011

Budget ta' responsabilita'

Il-Budget li tressaq il-bieraħ ma kienx wieħed normali. Tressaq minn Gvern responsabbli fi kriżi internazzjonali liema bħalha, liema kriżi qed tolqot bl-aktar mod iebes lill-pajjiżi Ewropej madwarna. Għalhekk kull kunsiderazzjoni dwar il-Budget trid issir f’dan il-kuntest u għalhekk huwa ferm f’loku l-islogan li ntgħażel li ‘B’għaqal u b’serjeta’ biss nirbħu l-maltemp’.

Dan hu maltemp li għadu fuqna u madwarna u jekk lilna ma laqatniex bil-mod kif laqat lil pajjiżi bħall-Italja u l-Greċja mhuwiex kumbinazzjoni, imma huwa riżultat ta’ deċiżjonijiet mhux dejjem popolari li ħadna. Deċiżjonijiet ta’ Gvern b’viżjoni u bi strateġija adattata biex pajjiżna, minkejja ċ-ċokon tiegħu, evita l-agħar parti tal-maltemp. Irridu nibqgħu ffukati għax l-isfidi għadhom hemm u jridu jingħelbu.

Huwa budget ffukat fuq fronti principali. L-ewwel incentivi ghall-aktar tkattir ta’ impjiegi u t-tieni għajnuna lil dawk il-faxex tas-socjeta’ li l-aktar li għandhom bżonn wens f’dan il-mument difficli. B’mod partikolari wens lil min qed irabbi t-tfal u wens għall-anzjani. Barra hekk se nkomplu nsostnu l-infieq għall-edukazzjoni, li tibqa l-pedament tal-iżzvilupp ekonomiku ta’ dan il-pajjiż bla riżorsi.

Rigward il-Ministeru tiegħi, l-allokazzjoni finanzjarja rrid nikkunsidrha fil-perspettiva ġusta. L-ispiża tal-Gvern trid tonqos f’ċertu setturi biex il-Gvern ikun jista’ jibqa’ jilħaq il-miri tan-nefqa soċjali u għalhekk bilfors li kien hemm xi tnaqqis fil-voti. Hemm pjan ta’ ħidma qawwi bbażat fuq l-fondi ewropej. Matul is-sena d-dieħla jibdew jkunu mplimentati fost l-akbar proġetti inkluż dak tal-mini taħt l-art biex ntaffu l-għargħar li waħdu jiswa 56 miljun ewro. Barra hekk se nkomplu ninvestu fondi pubblici biex inkomplu nagħtu spazji pubblici aktar komdi għall-familji tagħna u biex naprezzaw mill-ġdid il-wirt ta' pajjiżna.

No comments: