Nov 4, 2011

KRIZI vs krizi

Tqum filgħodu u tara l-aħbarijiet li fuq stazzjonijiet barranin – BBC, CNN, Al Jazeera, li trid – ma tismax ħlief bil-problemi kbar ta' pajjiżi bħall-Greċja li qegħdin f'xifer l-irdum tal-falliment. Ma nisimgħux ħlief bil-problemi saħansitra akbar li jkollha tiffaċċja d-dinja jekk il-Greċja tfalli u magħha tiġbed ħafna banek li silfuha l-flus. Ma nisimgħux ħlief bil-problemi li jista' jkun li jiffaċċjaw pajjiżi ferm akbar mill-Greċja, bħal Spanja u l-Italja.

Il-mexxejja tal-aktar 20 pajjiż importanti fl-ekonomija dinjija ltaqgħu f'Cannes u ddiskutew din il-kriżi kbira li ġejja mill-fatt li l-gvernijiet tal-Greċja ilhom 50 sena jonfqu aktar milli jdaħħlu. Fil-Greċja stess, il-Prim Ministru Papandreou ssorprenda lil kulħadd bil-proposta ta' referendum, u s-swieq għoddsu. Il-viċi ta' Papandreou u Ministru tal-Finanzi Venizelos daħal l-isptar bi stress qawwi, imbagħad qal ċar li l-Greċja trid tieħu azzjoni issa u mhux toqgħod tilgħab b'referendum li aktarx ma jgħaddix.

L-idea li xi pajjiż kbir u bil-għaqal jista' jsalva lid-dinja minn din il-kriżi hi biss ħolma. Iċ-Ċina għandha ħafna riżervi għax tfaddal, imma minkejja ħafna tbassir li ċ-Ċina tista' tislef il-flus lil pajjiżi bħall-Greċja, fiċ-Ċina nnifisha hemm inkwiet li jekk iċ-Ċina tislef lill-Greċja tista' tispiċċa titlef kollox bħalma se jitilfu l-banek li diġa' silfu lill-Greċja.

Fost dan l-inkwiet kollu, l-ekonomija dinjija għandha quddiemha riċessjoni oħra. Hu għalhekk li pajjiżi bħall-Amerika, ir-Renju Unit, il-Brażil, iċ-Ċina u l-Indja – li ħadd minnhom m'għandu l-ewro – qed jisħqu bil-qawwa għal soluzzjoni malajr. U waqt li d-dinja fix-xifer.... aħna f'Malta niddiskutu jekk l-Arriva hix qed tagħmel biżżejjed biex taqta' x-xewqa tagħna li jkollna trasport pubbliku aħjar milli kellna għal-aħħar sittin sena u aktar. Servizz li definittivament fadallu x'jitjieb imma fil-verita min jaf kemm hawn gvernijiet jixtiequ li għandhom il-problema tal-Arriva flok il-falliment li qed jiffaċċjaw u l-miżuri li qed ikollhom jieħdu...

No comments: