Nov 13, 2011

Riforma Pitkalija

Fi tmiem il-ġimgħa tajna bidu għal proġett pilota ta’ 6 xhur biex tibda titwettaq fażi ohra mir-riforma tal-Pitkalija. Dan il-proġett se jinkludi numru ta’ tibdiliet kif jelenka l-Memorandum of Understanding iffirmat bejn il-Ministeru u l-Farmers Central Cooperative Socitey (FCCS) li qed taqbel mal-prinċipji ta’ din ir-riforma kif proposta. Irrid inrodd ħajr lill-mexxejja tal-FCCS li wara diskussjoni twila accettajt li jissieħbu magħna f’din ir-riforma. Riforma li idealment ma tkunx imposta minn fuq iżda tiġi bi qbil mal-stakeholders l-aktar importanti: bdiewa, pitkala u xerrejja.

Waqt li attendejt għaċ-ċerimonja tal-iffirmar jien sħaqt li din hija riforma importanti msejsa fuq tliet prinċipji : 1. li l-bidwi jikseb valur xieraq u adattat għall-prodott tiegħu li jkun marbut ma’ grading; 2. li l-bidwi jkun jaf x’qed isir mill-prodott tiegħu; u 3. li r-rwol tal-pitkal ikun biss dak ta’ sensar.

Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet l-ftehim jisħaq fuq l-importanza ta’ taħriġ għal bdiewa biex fost affarijiet oħra l-bdiewa jibdew jagħmlu l-grading necessarju tal-prodotti tagħhom sabiex titjib d-dehra tal-prodott li jasal għall-għażla tal-konsumatur. L-għan hu dak li noħolqu sistema ta' traċċabilità li biha l-proċess kollu mir-razzett sa fuq il-mejda tal-ikel ikun jista’ jiġi segwit b'mod ċar fl-istadji kollha. Għandha tiġi introdotta wkoll sistema ta' kannestri/kaxxi ġodda; li għandhom jiġu utilizzati mill-bdiewa għall-prodotti tagħhom. Ix-xogħol infrastrutturali, ristrutturar u s-sistema tal-IT biex issir ir-riforma fil-Pitkalija hu stmat li se jiġi jiswa madwar €6 miljun.

No comments: