Dec 22, 2011

Protesta qabel proposti ?

Ikolli nistqarr li ma nistax nifhem preċiz għaliex f’dawn il-ġranet numru ta’ sajjieda ħarġu jipprotestaw. F'laqgħa li kelli maż-żewġ koperattivi tas-Sajd il-ġimgħa l-oħra tkellimna fuq numru ta' punti iżda ma kien hemm xejn konkrett minn naħa tagħhom, tant li fi tmiem dik il-laqgħa tlabt proposti konkreti. Flok irċevejna l-proposti il-koperattivi għażlu li jibgħatu ittra mimlija misinformazzjoni lis-sajjieda u tħeġġiġhom jattendu għal protesta.

Ta’ l-inqas mal-protesta l-koperattivi ġabu magħhom il-proposti. Issa nevalwaw il-proposti u f’Jannar nagħtu r-reazzjonijiet tagħna. Aħna konna għadna u nibqgħu disposti li niddiskutu ma’ kulħadd tant hu hekk li l-bieraħ stess wara nofs in-nhar saret laqgħa oħra bejn uffiċjali tal-Gvern u l-Koperattivi tas-Sajjieda dwar is-sajd għat-tonn, li kienet diġa skedata minn xi ġranet ilu.

Irrid ngħid li l-Gvern dejjem kien konsistenti fuq is-sostenibilita’ tas-Sajd. Aħna anke meta konna weħidna f’fora internazzjonali dejjem insistejna li s-sajd għandu jitkompla meta kien hemm provi xjentifici li kienu juru li dak is-sajd ma kienx qed jhedded dik l-ispeċi. Minn naħa l-oħra irridu nkunu responsabli u ngħarfu li rridu nillimitaw is-sajd fuq speċi li huma mhedda. Dan biex nissalvagwardjaw kemm l-ispeċi kif ukoll l-attivita' ekonomika tas-sajjieda mhux biss tal-lum iżda wkoll ta’ għada.

Ta’ min ifakkar li minn meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-2004 Malta se tkun tat lis-settur tas-sajd b’kollox mal-€15-il miljun li jinkludu €11-il miljun minn fondi Ewropej u €4 miljuni minn fondi nazzjonali. Dawn minbarra l-mijiet ta’ eluf ta’ Ewro mogħtija minn fondi nazzjonali direttament lis-settur taħt skemi ta’ State Aid jew skemi ta’ qabel ma’ Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea.

Irrid nirrimarka li dan l-aħħar wettaqna tibdil fit-tmexxija tad-Dipartiment tas-Sajd biex dan ikun jista’ jaħdem aktar mill-viċin mas-sajjieda. Nittama li din il-protesta li saret m’hix instigate biex tipprova ddgħajjef din it-tmexxija l-ġdida tad-Dipartiment. Nawgura li flimkien b’għaqal u b’serjeta naslu biex inkomplu niddiskutu fi spirtu pożittiv madwar mejda ħalli nkomplu naħdmu flimkien għal-ġid tas-settur.

1 comment:

Pawlu said...

Ghaqda Koperattiva tas-Sajd ghal darba ohra qeghda tafferma kif diga iddikjarat qabel ma tindahhal xejn fit-tibdil li sar.

Jekk irridu nghidu il-verita din il-Koperattiva ilha zmien tiprepara
ghal isfidi tal-gejjieni. Huwa minnu ukoll li sibna kolaborazjoni min nies tal-Ministeru.

Il-problemi inqalghu wara li MRRA kellu twissijiet mil-Koperattivi li dak ir-rapport ser iffarak lis-sajjieda. Aktar min hekk il-proposti li saru ma hummiex ser ikunu effetivi ghal-sajd sostenibli. Dan ippruvajnieh u jekk tistaqsu ix-xjentisti jistghu jghidulkom li kien hemm min baghbas id-data.

Ghalhekk nixtieq li il-kliem li gejna minghajr proposti konkreti ma tuzahx aktar u poggi mal-Koperattivi halli insibu soluzzjoni u thalliex hsibiet itellfu il-koncentrazzjoni tieghek. B hekk biss nistghu naslu ghal-ftehim li iwassal ghal-sajd sostenibli ghas-sajjieda tal-llum u ta ghada.