Dec 30, 2011

Aktar progetti ta' kwalita' fl-2012

Dan hu żmien tajjeb biex wieħed iħares lejn dak li jkun wettaq matul is-sena li qed tintemm u fl-istess waqt iħares lejn dak li jrid iwettaq fis-sena li tkun se tibda. Ħarsa lejn dak li wettaq il-Ministeru tiegħi fl-2011 fil-qasam biss tal-progetti ta' tisbih timlik bil-kuragg ghall-hidma fix-xhur li gejjin. Komplejna naghtu lill-pubbliku progetti ta' kwalita'. Kemm permezz ta' progetti ta' restawr kif ukoll permezz ta' progetti ta' spazji godda.

Bizzejjed insemmi r-restawr tal-Kappella ta' Santa Katerina fil-Belt Valletta, l-Arlogg ta' Pinto fil-Palazz il-Belt, tas-Saluting Battery fil-Barrakka ta' Fuq fil-Belt u l-hafna partiiet mis-swar tal-Belt, Imdina, Birgu u Cittadella. Matul l-ahhar sena tlestew bosta progetti ta' tisbih fosthom il-progett tax-Xatt ta' M'Xlokk, ta' Triq Bisazza f'Tas-Sliema, tal-Gonna tal-Kcina tal-Palazz ta' Sant'Anton, tal-Park u Centru ta' Xrobb l-Ghagin.

Matul is-sena d-diehla hemm bosta progetti ohra li jridu jitlestew, uhud minnhom diga nbeda x-xoghol fuqhom filwaqt li ohrajn mistenni jibda x-xogol fuqhom fil-gimghat li gejjin. Fost dawn insibu r-restawr tas-Salini, ir-restawr ta' tlett irziezet antiki fil-Buskett, it-tlestija tar-restawr tal-faccati tal-Palazz fil-Belt kif ukoll dawk tal-Berga ta' Kastilja, il-ftuh tac-Centru Interattiv fuq il-Fortifikazzjonijiet li qed isir fi Biagio Steps, il-ftuh ta' Petting Farm fil-Park Nazzjonali ta' Ta' Qali, il-Waterpark f'Bugibba, it-tisbih ta' Piazza Spinola f'San Giljan, il-bini ta' Centru Civiku u Gnien Pubbliku fis-Swieqi u t-tkomplija tas-tisbih taz-zona kummercjali ta' Tas-Sliema inkluz ix-Xatt.

Fis-sena 2012 li se nkomplu naħdmu fuq Park ghall-Familja f'Wied il-Għajn fiz-zona fejn fis-snin sebgħin kienet isservi bħala miżbla. Dan se jkun park mill-isbah b'daqs ta' art li jidhlu fiha madwar 20 pitch tal-futbol. Ahna determinati li nkomplu nghollu l-kwalita’ tal-ħajja tal-poplu taghna anke billi nkomplu noffru progetti ta' kwalita' mifruxa ma' pajjizna. Meta d-dinja għaddejja mill-agħar perjodu fl-ekonomija tagħha minn wara l-Gwerra ‘l hawn, ma kienx faċli li l-Gvern tagħna jkompli jinvesti bil-qawwa biex jkompli jibdel pajjiżna kuljum. Bqajna ninvestu u hekk se nkomplu nagħmlu.

Dec 26, 2011

Pjazza Spinola

F’dawn il-ġranet kelli l-okkażżjoni nħabbar l-proġett ta’ tisbiħ ta’ Pjazza Spinola f’San Ġiljan. Permezz ta’ dan il-proġett, din il-pjazza li tkopri madwar 2,400 metru kwadru ta’ art u li tant hi sinonima mal-villaġġ ta’ San Ġiljan se tkun qed tingħata dehra ġdida. Spazju li sa llum hu ddominat minn roundabout u konfuzzjoni ta’ karozzi, li s-sena d-dieħla se nibdluh fi spazju organizzat u komdu għall-Ġiljaniżi u dawk kollha li jżuru San Ġiljan, inkluż il-ħafna turisti.

Fix-xhur li għaddew konna għaddejjin bix-xogħol ta’ wara l-kwinti fejn tlestew il-pjanti u d-disinji u ddaħlet l-applikazzjoni lill-MEPA f’Awwissu 2011 biex ġaladarba jinħareġ il-permess ikun jista’ jinbeda x-xogħol fuq dan il-proġett li mistenni li jdum għaddej madwar tmien xhur sabiex jitlesta. Fost l-interventi li ser isiru ser ikun hemm it-tneħħija tar-roundabout eżistenti u r-rilokazzjoni tal-istatwa tal-Qalb ta’ Gesu li se titressaq minn fejn tinsab bħalissa biex titpoġġa f’post fejn tkun tista’ tiġi apprezzata aħjar fl-istess żona. Sa llum bilkemm għajnejk imorru fuqha, għax l-attenzjoni jieħduha l-karozzi u t-traffiku li jdur madwarha.

Il-vaska antika minn fejn kienu jixorbu ż-żwiemel u li llum ma tintużax se titressaq ukoll u se ssir feature fil-proġett. Apparti dan se jiġu nstallati wkoll żewġ ground fountains, numru ta’ bankijiet, dawl ġdid u street furniture ġdida. Parti importanti minn dan il-proġett se tkun ukoll l-installazzjoni ta’ culverts taħt l-art biex jinġabar l-ilma tax-xita li jinżel fl-inħawi. L-istima ta’ dan il-proġett tlaħħaq madwar € 1.3 miljun.

Dan mhux l-ewwel proġett ta’ tisbieħ f’San Ġiljan, u fil-fatt ikompli jgħaqqad maxogħol ieħor li sar f’Xatt is-Sajjieda. Dan mhux l-aħħar xogħol lanqas maħsub għal din iż-żona. Qed nikkunsidraw ukoll xogħol ieħor anke fid-dawl ta’ proġett mill-privat li fost affarijiet oħra se jiprovdi carpark għal madwar 400 karozza u li qed naraw kif l-aħjar nintegraw interventi tagħna miegħu ħalli ntejjbu dejjem aktar l-ambjent ta’ din iż-żona.

Dec 22, 2011

Protesta qabel proposti ?

Ikolli nistqarr li ma nistax nifhem preċiz għaliex f’dawn il-ġranet numru ta’ sajjieda ħarġu jipprotestaw. F'laqgħa li kelli maż-żewġ koperattivi tas-Sajd il-ġimgħa l-oħra tkellimna fuq numru ta' punti iżda ma kien hemm xejn konkrett minn naħa tagħhom, tant li fi tmiem dik il-laqgħa tlabt proposti konkreti. Flok irċevejna l-proposti il-koperattivi għażlu li jibgħatu ittra mimlija misinformazzjoni lis-sajjieda u tħeġġiġhom jattendu għal protesta.

Ta’ l-inqas mal-protesta l-koperattivi ġabu magħhom il-proposti. Issa nevalwaw il-proposti u f’Jannar nagħtu r-reazzjonijiet tagħna. Aħna konna għadna u nibqgħu disposti li niddiskutu ma’ kulħadd tant hu hekk li l-bieraħ stess wara nofs in-nhar saret laqgħa oħra bejn uffiċjali tal-Gvern u l-Koperattivi tas-Sajjieda dwar is-sajd għat-tonn, li kienet diġa skedata minn xi ġranet ilu.

Irrid ngħid li l-Gvern dejjem kien konsistenti fuq is-sostenibilita’ tas-Sajd. Aħna anke meta konna weħidna f’fora internazzjonali dejjem insistejna li s-sajd għandu jitkompla meta kien hemm provi xjentifici li kienu juru li dak is-sajd ma kienx qed jhedded dik l-ispeċi. Minn naħa l-oħra irridu nkunu responsabli u ngħarfu li rridu nillimitaw is-sajd fuq speċi li huma mhedda. Dan biex nissalvagwardjaw kemm l-ispeċi kif ukoll l-attivita' ekonomika tas-sajjieda mhux biss tal-lum iżda wkoll ta’ għada.

Ta’ min ifakkar li minn meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-2004 Malta se tkun tat lis-settur tas-sajd b’kollox mal-€15-il miljun li jinkludu €11-il miljun minn fondi Ewropej u €4 miljuni minn fondi nazzjonali. Dawn minbarra l-mijiet ta’ eluf ta’ Ewro mogħtija minn fondi nazzjonali direttament lis-settur taħt skemi ta’ State Aid jew skemi ta’ qabel ma’ Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea.

Irrid nirrimarka li dan l-aħħar wettaqna tibdil fit-tmexxija tad-Dipartiment tas-Sajd biex dan ikun jista’ jaħdem aktar mill-viċin mas-sajjieda. Nittama li din il-protesta li saret m’hix instigate biex tipprova ddgħajjef din it-tmexxija l-ġdida tad-Dipartiment. Nawgura li flimkien b’għaqal u b’serjeta naslu biex inkomplu niddiskutu fi spirtu pożittiv madwar mejda ħalli nkomplu naħdmu flimkien għal-ġid tas-settur.

Dec 19, 2011

Żewġ mexxejja b'wirt differenti

Fl-aħħar siegħat smajna bil-mewt ta’ żewg mexxejja, Vaclav Havel u Kim Jong Il. Żewg mexxejja li ħaddnu valuri politici differenti u li għal ragunijiet differenti ħallew il-marka tagħhom fuq id-dinja.

Havel jibqa’ mfakkar bħala l-bniedem li mexxa l-poplu Cekoslovakk kontra l-ħakma komunista li laħqet il-qofol tagħha fl-1989 b’dik li baqgħet imsejħa r-Rivoluzzjoni l-Vjola. Is-sehem ta’ Havel fil-ġlieda ghall-liberta’ kien ilu għaddej is-snin u fil-fatt kien meqjus bhala dissident mit-tmexxija komunista Ceka. Kien hu li waqqaf fl-1977 ic-Charter 77, grupp li kien jitkellem fuq id-dmir tal-Gvern Cekoslovakk li jħares id-drittijiet tal-bniedem ġaladarba kien iffirma it-trattat ta’ Helsinki fl-1975. Havel għamel żmien twil fil-ħabs.

Mal-kisba tal-liberta’ Havel kompla jservi lill-poplu tiegħu billi sar President ta’ pajjiżu lejn l-ahhar tal-1989 u tul iż-żmien li hu kien fit-tmexxija, pajjiżu għamel it-transizzjoni għad-demokrazija. Fl-1993 ic-Cekoslovakkja saret żewġ stati, ir-Repubblika Ceka u s-Slovakkja li mbagħad saru membri tal-Unjoni Ewropea magħna fl-2004.

It-tmexxija ta’ Kim Jong Il tikkuntrasta bil-kbir ma’ dik ta’ Havel. Jong Il, mexxa lil pajjizu ghal 17-il sena wara l-mewt ta’ missieru Kim il Sung, li s-Socjalisti ta’ pajjiżna kienu ffirmaw trattat sigriet miegħu fis-snin 80. Jong Il kompla fuq il-passi ta’ missieru u kompla kabbar l-iżolament ta’ pajjiżu filwaqt li kompla jkabbar it-tisħiħ tal-armata ta’ pajjiżu filwaqt li parti kbira tal-poplu spicca jbati l-guħ. Għalkemm jeżisti xetticiżmu kbir, wieħed ma jistax ma jawgurax li l-mewt ta’ Kim Jong Il isservi bħala bidu ta’ kapitlu ġdid fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż Asjatiku.

Il-mewt ta’ dawn iż-żewg mexxejja turi kif tmexxija politika tħalli effetti li jtulu ferm aktar mill-ħajja ta’ bniedem. Illum ir-Repubblika Ceka tħares lura lejn il-ħajja ta’ Havel b’apprezzament u kunfidenti li tista’ tkompli tibni fuq strutturi demokratici. Il-Korea ta’ fuq mill-banda l-ohra llum issib lilha nnifisha f’sitwazzjoni ferm agħar minn 17-il sena ilu, u ffacajta wkoll minn sanzjonijiet internazzjonali minħabba l-politika militari tagħha ta’ tisħiħ fl-armamenti tal-qerda tal-massa.

Dec 15, 2011

Centru ghall-Volontarjat

Hekk kif qed naslu fit-tmiem ta’ din is-sena Ewropea ddedikata għall-Volontarjat, il-Gvern iddeciedi li jaghti jimmarka din is-sena billi jibda l-ħidma tiegħu biex iwaqqaf Centru għall-Volontarjat fil-Belt Kapitali. Il-bieraħ flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaz-Żgħażagħ u Sport, Clyde Puli u s-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet, Jason Azzopardi ħabbart li dan ic-Centru se jkun proprju fil-bini tal-Biċċerija l-antika fil-Belt li ilu għal snin twal mitluq, dilapitat u abbużat. Binja li qegħda bejn il-Berġa ta’ Baviera u l-Palazz tal-Arcisqof. Din kienet żona ndustrijali fi żmien il-Kavallieri. Issa din iż-żona se nagħtuha injezzjoni ta’ attivita’.

Dan il-proġett li se jiswa mal-miljun euros ġaladarba jitlesta se jingħata għall-użu tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju. Din il-Binja għandha skop li tintuża bħala ċentru għall-użu tal-għaqdiet volontarji prattikalment f’uffiċini u spazji li jistgħu jutilizzaw. Hemmhekk għandhom isibu servizzi komuni li jkunu jistgħu jagħmlu użu minnhom. Is-sular ta’ isfel ukoll se jkun idedikat għal-arti u kreativita’. Bażikament hawnhekk se jinħoloq spazju għall-artisiti ż-żgħar biex juru u jkabbru t-talenti tagħhom.

Dan il-proġett huwa turija tal-apprezzament tal-Gvern lejn il-ħidma volontiera ta’ għadd kbir ta’ persuni li jaħdmu b’xejn u mill-qalb f’varjeta’ ta’ oqsma soċjali u kulturali. Dan il-proġett iżżewweġ il-wirt storiku ta’ din il-binja mal-bżonn li ghandhom tant ghaqdiet volontarji u NGOs ta’ post fejn jiltaqghu. Il-kuncett ta’ syndicate rooms li ser ikun zviluppat f’din il-proprjeta se jimla vojt li kienu ilu jinħass f’dan il-qasam tal-volontarjat f’pajjiżna. Il-volontarjat hu teżor li aħna għandna apprezzament kbir lejh għax huwa simbolu tas-solidarjeta’ fis-socjeta’ tagħna.

Dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni jifforma parti mill-kullana ta’ 40 proġetti ta’ restawr, tisbih u riġenerazzjoni tal-Belt Kapitali tagħna li dan il-Gvern iwettaq. Waqt li konna qed indawru lill-ġurnalisti mas-sit, ħarġet waħda anzjani minn waħda mill-gallarijiet tal-madwar u bdiet tilmenti mill-istat ħażin li tinsab fiha din il-binja. Meta għidtilha li se nagħmlu ntervent biex nagħtu ħajja ġdida, kienet pronta qaltli “Nittama li ngħix sakemm tlestuh”. F’qalbi għidt, “Issa nispera li meta nlestuh ma tgħdilniex li ġibnilha l-istorbju ħdejha !”

Dec 14, 2011

Ħtieġa li naġġornaw il-Kostituzzjoni

Il-bieraħ il-President ta' Malta waqt ic-cerimonja annwali ta’ Jum ir-Repubblika għamel referenza ghall-ħtieġa ta’ emendi fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Kif qal tajjeb il-President, Dr.George Abela, għalkemm il-Kostituzzjoni ta' pajjiżna servietna tajjeb għal kważi kważi nofs seklu, wasal iż-żmien li din tiġi aġġornata. Kellna l-ewwel il-Kostituzzjoni li stabbiliet pajjiżna ndipendenti, imbagħad kellna dik tal-1974 li stabbiliet Malta bħala repubblika. Kif nafu bażikament mill-1974 ‘l hawn l-uniku emendi li saru kienu dawk marbuta mas-sistema elettorali biex tiġi assikurat li ma jkollniex riżultat skerz kif kellna fl-1981 u l-emendi li jirreferixxu ghan-newtralita’ ta’ pajjiżna. Hemm bżonn aġġornament biex il-Kostituzzjoni - li hija r-ruħ ta’ kull soċjeta' - tkun tirrifletti verament dak li s-soċjeta' tagħna hi llum.

Huwa pożittiv li ż-żewġ partiti politiċi prinċipali qed jaqblu li hemm bżonn li l-Kostituzzjoni tagħna tiġi aġġornata. L-isfortuna hija li l-Opposizzjoni kienet iddecidiet li ma tkompliex tippartecipa fil-Kumitat Magħżul tal-Kamra li kien ingħata r-responsabilita’ li jiddiskuti emendi għall-Kostituzzjoni. Issa mill-paroli hemm bżonn immorru għall-azzjoni biex infaslu dawn l-emendi. It-tliet alternattivi li semma l-President tar-Repubblika ta’ kif jista’ jsir il-process tat-tibdil jeħtieġ jiġu mixtarra u ssir għażla halli jibda l-process. Naqbel li fi process bħal dan ikun involut mhux biss il-Parlament, iżda anke s-soċjeta' ċivili.

Is-socjeta’ ta’ llum hija soċjeta’ totalment differenti mill-1974 meta sar l-aħħar aġġornament sostanzjali tal-Kostituzzjoni tagħna. Għandna pajjiż b’bosta strutturi ta’ kontroll fuq l-operat tal-Eżekuttiv bħall-Ufficcju tal-Ombudsman, Ufficcju tal-Awditur Ġenerali; għandna pajjiż bi pluraliżmu wiesa’ u mifrux inkluż fil-qasam tax-xandir u l-media anke dik diġitali; għandna pajjiż Membru tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ewro, għandna socjeta’ kważi multi-kulturali u miftuħa sew. Imma kif qal tajjeb il-President il-Kostituzzjoni trid tibqa strument ħaj li tevolvi skond l-ambjent ta’ madwarha.

Il-bieraħ ukoll onorajna għadd ta' membri tas-soċjeta' ċivili b'unuri ta' Ġieħ ir-Repubblika bħala sinjal ta' gratitudni u rikonoxxenza għas-servizz li dawn taw lin-nazzjon. Nixtieq nieħu din l-opportunita' sabiex nifraħ lil dawk kollha li l-bieraħ naghtaw unur, b’mod specjali imma liż-żagħżugħ Thomas Cremona, li verament kien ħaqqu l-applaws doppju li qala’ minn dawk preżenti. Thomas huwa simbolu tal-perseveranza u l-kuraġġ ta’ persuna li mhux biss iġġieled il-marda kiefra tal-kanċer iżda fittex li jkun ta’ servizz għall-ħaddiehor permezz tal-attivita’ sportiva tal-qdif fejn saħansitra flimkien ma’ numru ta’ żgħażagħ ohra qasam l-Atlantiku f’ħin rekord.

Dec 11, 2011

Sodisfazzjon f'Durban

Ma nistax ma nistqarrx sodisfazzjon kbir għall-fatt li ħafna mit-talbiet tal-Unjoni Europea fis-17 il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Bidla fil-Klima f’Durban, fl-Afrika t’Isfel ġew aċċettati. Il-konferenza li ntemmet llum, ttawlet b’jumejn biex jkunu konklużi n-negozjati twal u intensivi bejn il-gruppi differenti. Din ir-rebħa hija mertu tal-perseveranza tal-Kummissarju Ewropea ghat-Tibdil fil-KLima, Connie Hedegaard, li minkejja l-opposizzjoni ta’ certi pajjiżi u blokki ma qatgħetx qalba.

F’dawn in-negozjati l-Unjoni Ewropea nsistiet li hemm bżonn ftehim fit-tul li jorbot lil kull pajjiż jikkontribwixxi billi jnaqqas l-emisjonijiet tal-greenhouse gases biex iż-żieda globali medja fit-temperatura ma taqbiżx 2°C. L-UE għamlitha ċara mill-bidu li hija lesta tkompli terfa l-obbligi li daħlet għalihom permezz tal-Protokol ta’ Kyoto anke għall-perjodu 2013-2020. Iżda biex tagħmel hekk, il-pajjiżi l-oħra, speċjalment dawk li l-aktar iniġġzu l-arja jeħtieġu jersqu ‘l quddiem biex jiddefinixxu kif se jagħmlu l-parti tagħhom ukoll.

Id-dikjarazzzjoni maqbula llum, msejjħa Durban Platfom, tghid li sal-2015 irid jintalahaq ftehim sabiex għall-ewwel darba jżomm lill-pajjizi li jniġġzu l-aktar (all major carbon polluters) responsabbli biex inaqqsu l-gassijiet serra. Dan il-ftehim imbaghad jibda jkun implimentat mill-2020.

B’hekk l-UE rebħet l-argument principali li fuqu tant insistiet. L-UE sostniet li ma jagħmilx sens li jibqgħu marbuta biss b’miri ta’ tnaqqis dawk il-pajjizi li qed jikkontribwixxu bi 15% biss tal-emissjonijiet tas-CO2. L-UE baqgħet issostni li ekonomiji kbar bħal dik tal-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Indja, ukoll iridu minn issa jindikaw li huma lesti jintrabtu b’miri. Kien evidenti li l-EU rnexxielha f’ din il-konferenza ġġib l-appoġġ tal-pajjiżi lanqas żviluppati (Least Developing Countries – LDCs), tal-grupp tal-istati gżejjer (AOSIS) u xi pajjiżi oħra sabiex tigi definita roadmap ta’ implimentazzjoni.

Dec 6, 2011

SARGAS - noti u mistoqsijiet

Nemmnu li l-enerġija fid-dinja moderna ta’ llum hija l-pedament tal-ekonomija. Il-mira tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija tibqa dik li jiżgura li pajjizna jkollu l-elettriku li s-socjeta Maltija teħtieġ bi prezz li jżomm l-ekonomija tagħna waħda kompetitttiva. Kien għalhekk li Gvernijiet differenti mmexxija mill-PN investew bis-serjeta’, u mhux ppruvaw ilaqqtu bis-second hand, fil-ġenerazzjoni tal-elettriku. Għalhekk ukoll l-investiment kbir fl-extension ta’ Delimara u l-cable mal-Ewropa. Nibqgħu b’għajnejna miftuħa għal kwalunkwe teknoloġija li kapaci tagħtina volum ta’ enerġija bi prezz tajjeb u li tgħinha nnaqsu l-impatt fuq l-ambjent. Hu f’dan l-ispirtu li nanalizzaw il-proposta ta’ SARGAS mressqa lil Gvern.

Nagħmluha ċara li kull decizjoni trid issir bi proċess trasparenti u pubbliku. Il-Gvern mhux se jidhol fi ftehim ma’ xi kumpanija għax din tipreżenta impjant. Ma nixtrux bis-sistemi ta’ door to door sales. Waqt li għaddejja d-diskussjoni pubblika fuq din it-teknoloġija, li jidher li diġa twebbel biha Joe Muscat minkejja li m’għamilx studji, irrid ninnota 3 punti.

1. Joħrog ċar li kif ilna ngħidu ma jimportax xi fuel taħraq imma kif jinħaraq u kif jiġu msoffija d-dħaħen qabel ma joħorgu fl-arja. Hekk ghedna fuq l-estensjoni tal-power station ta’ Delimara. L-Opposizzjoni kemm ilhom jghajruna għax fl-extension ta’ Delimara se jinharaq l-Heavy Fuel Oil imma issa jidher li accettabli għalihom li jinħaraq taħlita ta’ żejt, faħam u skart ! Ipokresija !

2. Waqt li nistudjaw il-proposta rridu nsaqsu: X’inhuma r-riskji ta’ tniġġies ? Kif ser jinqabdu l-emissjonijiet u se jigu trasportati ? Irridu niftakru li għad fadal ħafna mistoqsijiet fuq il-viabilita’ li tidfen CO2 (Carbon Capture & Sequestration) u l-perikli li dan joħloq jekk jigi rilaxxat. Irridu nifhmu li ahna firmatarji tal-Basel Convention li tistipula li trid permess minn qabel mill-pajjiz li jkun se jircivih, inkella materjal bħal dak lanqas biss jitħalla jitlaq minn pajjiżna.

3. Ninnota li l-Opposizzjoni malajr teċithom teknoloġija li għadha qed tiġi żviluppata, imma mbagħad malajr ikunu pronti jbeżżgħu lin-nies b’teknoloġiji ppruvati li nkunu rrakkomandajna aħna. Hekk għamlu fuq l-impjant ta’ Sant’Antnin, l-inceneratur u fuq il-windfarm fil-Bahrija !

Dec 3, 2011

SDM - my nursery

F’dawn il-granet mort wahda mic-cerimonji tal-gradwazzjoni fis-Sala tal-Universita’ f’tal-Qroqq. X’memorji dawk ! Bdejt niftakar fis-snin li qattajt jien fl-Universita’ u l-hidma tieghi fl-SDM (Studenti Demokristjani) u l-KSU. Domt attiv fl-SDM kwazi 7 snin. F’perjodu mqanqal hafna tal-istorja politika ta’ pajjizna. Bdejt il-hidma tieghi meta kelli 16-il sena u dhalt is-Sixth Form u komplejt kwazi sakemm spiccajt l-Universita’. Kien zmien ta’ protesti biex l-istudent jzomm id-drittijiet bazici tieghu. Niftakar li darba minnhom ghax ghamilna gimgha ta’ protesti fis-Sixth Form il-Ministru tal-Edukazzjoni ta’ dak iz-zmien, qed nirreferi ghall-1981, qabad u xolja l-Kunsill tal-Istudenti u lanqas hallina niltaqghu aktar fil-kamra li kellna ! Kunsill elett demokratikament mill-istudenti spicca dikjarat illegali ghax ipprotesta b’mod ghal kollox pacifiku.

Kien zmien meta jekk tazzarda titkellem malajr jasallek it-theddid u taqla xi xebgha minn nies organizzati. Niftakar sew is-sena 1984 meta bhala SDM konna attivi favur l-ezistenza tal-iskejjel tal-knisja li l-Gvern immexxi mill-Partit Laburista li halef li jaghlaq. Niftakar sew is-swat li garbu diversi student tal-Universita’ meta telghu diversi haddiema armati tat-Tarzna ghalina. Niftakar li lil wiehed student tal-arkitettura kienu kisrulu zewg idejn b’katina ! Illum fl-arja demokratika u serena li ghandna meta tirrakkonta stejjer bhal dan bil-kemm titwemmen. Imma ahna li garrabnihom, tghallimna haga mportanti: taqta’ qalbek qatt quddiem l-ghawg u kompli nsisti ghad-drittijiet tieghek b’mod pacifiku minkejja li jipruvaw jumiljawk.

F’dan il-perjodu mqanqal, sibna hin ukoll biex niehdu l-formazzjoni taghna fuq il-principji li jsawwru l-hsieb demokratiku kristjan. Il-principji tas-solidarjeta’, partecipazzjoni, gustizzja socjali u zvilupp sostenibbli assorbejnihom mill-hafna seminars ta’ formazzjoni li konna norganizzaw kemm fl-Universita’ kif ukoll fl-AZAD. Konna nistiednu nies personalitajiet li kellhom ghal qalbhom din il-kultura politika. Konna naghmlu uzu tajjeb hafna wkoll mill-librerija tal-AZAD. Dawk is-snin ta’ hidma fl-SDM bnewli l-karattru tieghi u ghalmuni l-ABC tas-sistema demokratika inkluz l-procedura ta’ laqghat formali, kif ukoll l-bazi tal-hsieb politiku tieghi liema formazzjoni ghadni nsibha utli kuljum.