Feb 8, 2012

Il-Kardinal bi tbissima

Okkażżjoni ta’ ferħ kienet dik tal-lejla meta attendejt għall-ordinazzjoni Episkopali tal-Kardinal Elett Prospero Grech. Din iċ-ċerimonja kellha sseħħ biex Patri Prospero l-ewwel jinħatar Isqof u hekk imbaghad ikun jista jsir Kardinal mill-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu sittax, fit-18 ta’ dan ix-xahar, fil-Vatikan. Sinifikanti għalina l-Maltin li Patri Prospero qed jinħatar Isqof propju fil-ġimgħa tal-Festa tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl. Festa għażiża għal komunita kattolika f’Malta. Minn hawn irrid nifraħ u nawgura lil Prospero Grech li fil-kelmtejn li ħareġ car il-karattru semplici u cajtier tiegħu. Waqt il-funzjoni ġewni żewġ ħsibijiet li xtaqt naqsam magħkom.

L-ewwelnett ħatra ta’ kardinal għal persuna li ma kellux diġa grad fil-ġerarkija tal-Knisja tikkonferma l-istima u r-rispett li Patri Prospero ġabar tul is-snin mal-ogħla awtoritajiet ekkleżjastiċi. Ħatra ta’ Kardinal ma ssirx kuljum u l-għażliet huma ftit mid-dinja kollha kattolika. Huwa unur għal pajjiżna li se jkollna it-tieni Kardinal Malti. M’ghandix dubju li se jagħmlilna unur. Iżda mhux biss hu jagħmlilna unur. Jagħmlulna unur il-ħafna maltin, sacerdoti, sorijiet u lajci, li offrew li jkunu ta’ servizz bħala kattolici fil-pajjiżi tat-tielet dinja, fejn mhux biss jagħtu sehemhom għall-ġid spiritwali iżda fuq kollox itejbu l-ġid materjali tal-komunitajiet li jaħdmu magħhom.

It-tieni hsieb hu kemm hemm bżonn li l-Knisja twassal ferm aktar it-teżor tat-tagħlim soċjali tal-Knisja f’pajjiżna, specjalment fost il-mexxejja żgħażagħ. Darba kont issuġġerejt lill-Mons.Arċisqof li f’pajjizna l-Knisja għanda bżonn twaqqaf Skola Politika miftuħa għal kulħadd li fiha tiprepara persuni għall-impenn fil-komunita’ bbażat fuq it-taghlim soċjali tal-Knisja Kattolika. Dan it-tagħlim ghandu jispira u jiggwida ferm aktar lill-lajci biex jiddjalogaw mas-socjeta’ ċivili fuq temi differenti, inkluż dawk morali.

No comments: