Feb 20, 2012

Il-liberta’ tal-espressjoni permezz tal-internet

Il-Gvern jemmen li l-aċċess mingħajr xkiel ta’ persuna għall-Internet; id-dritt għall-informazzjoni u l-liberta’ tal-espressjoni permezz tal-internet; u d-dritt li jiddeċiedi x’informazzjoni jikkomunika huma drittijiet ċivili ġodda li għandhom jidħlu fil-liġijiet ta' pajjiżna. Kien għalhekk li ġimghatejn ilu l-Prim Ministru ħabbar li l-Gvern se jressaq liġi fil-Parlament li tiggarantixxi dawn id-drittijiet ċivili ġodda f’pajjiżna.

Konna dejjem aħna tal-PN li konna fuq quddiem biex it-tibdil li dan il-mezz ġdid ta’ komunikazzjoni ġab miegħu, ikun parti mill-istrateġija edukattiva, soċjali u ekonomika f’pajjiżna għall-ġid tal-poplu kollu. Għall-Gvern hu ċar li d-drittijiet u l-privatezza tal-individwu għandhom jiġu mħarsa. Fl-istess waqt il-liġi għandha tipprovdi għal min jabbuża u jwettaq reati kriminali permezz tal-internet.

Il-Gvern ddikjara bl-aktar mod car li filwaqt li jifhem li min fassal l-ACTA kellu f’moħħu principalment il-ħtieġa li jkunu mħarsa d-drittijiet tal-awtur u l-propjeta’ intelletwali, dan il-Gvern mhux favur miżuri li potenzjalment jistgħu jifggħu id-drittijiet tac-cittadin biex jakwista u jaqsam ma’ ħaddieħor informazzjoni.

Dwar l-ACTA, meta sar l-ezami preliminari ma kienx jidher li hemm diffikultajiet, madanakollu wara nqalgħu dubji. L-ACTA tressaq ghad-diskussjoni mill-MEUSAC u ħadd ma rreaġixxa, lanqas il-Partit Laburista minkejja li kien mistieden biex jagħti l-posizzjoni tiegħu. Il-Gvern mhux marbut mal-ACTA u l-Gvern diġa għamilha cara li mhux se jirratifika l-ftehim jekk jirriżulta li jnaqqas mid-drittijiet tal-individwi.

No comments: