Feb 23, 2012

PL – Pack of Lies

Hu fatt aċċettat f’kull demokrazija li r-rwol tal-Oppożizzjoni hu li tressaq kritika u tipproponi alternattivi viabbli għall-operat tal-Gvern. Iżda mhu qatt aċċettat li l-Oppożizzjoni tirrikorri għal miżinformazzjoni biex tressaq il-kritika tagħha. Sfortunatament f’pajjiżna dejjem qed jiżdiedu l-okkażżjonijiet fejn l-Oppożizzjoni qed tinqabad tgħawweġ il-fatti, anke meta l-fatti huma carissimi. Fl-aħħar ġranet kellna żewg okkażjonijiet separati li jikkonfermaw kemm dan huwa minnu.
Fil-Mosta l-Kap tal-Oppożizzjoni ‘ħabbar’ proġett ta’ tisbiħ ta’ spazju pubbliku fi proġett li suppost hu partnership bejn il-Gvern, il-Kunsill Lokali u l-privat. Wara li ħalla lis-Sindku tal-Mosta joħloq diżastru u ma jintervjeni bl-ebda mod biex iġib ftit ordni fil-Mosta, il-Kap tal-Opposizzjoni tagħtu rasu ftit ġranet qabel l-elezzjoni. Għalhekk biex jiġbor ftit simpatija u voti mar iħabbar “proġett”. Ipprova jidħaq bin-nies, għax fil-verita’ il-Kunsill Lokali tal-Mosta, mmexxi minn maġġoranza Laburista, kellu ċans japplika għal fondi għal dan il-proġett minn fondi tal-Gvern centrali u lanqas biss applika !
It-tieni gidba: Il-bieraħ kellna lill-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali, Stefan Buontempo, li ħareġ jgħid li l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan ma ġiex ikkonsultat dwar il-proġett ta’ tisbieħ ta’ Pjazza Spinola f’San Ġiljan. Gidba mill-bidu sal-aħħar. Mhux minnu li l-Kunsill Lokali ma kienx infurmat dwar il-proġett. Saret laqgħa mal-Kunsill fejn jien stess spjegajt il-proġett u l-Kunsilliera, inkluż dawk Laburisti għamlu mistoqsijiet u suġġerimenti. Mhux hekk biss iżda. Il-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan b’mod unanimu, inkluż bil-voti tal-kunsilliera Laburisti, approva l-proġett kif propost mill-Gvern Ċentrali. Jidher ċar li l-Onor. Buontempo jew ma kienx jaf jew inkella pprova jqarraq.
Jidher car li l-Partit Laburista lest jigdeb anke meta jaf ċert li ser jiġi mgiddeb għax jeżistu provi. Jagħmel jekk għax għadu jemmen fil-kredu tal-imgħoddi : itfa’ t-tajn u erġa itfa, xi tajn jeħel ! Ftit huma dawk fi ħdan il-PL li jirrealizzaw li kien dak il-kredu u dik it-tattika li telfithom elezzjoni wara l-oħra.

No comments: