Mar 30, 2012

Statistika posittiva dwar l-iskart.

L-aħħar statistika tal-Eurostat rigward l-immaniġjar tal-iskart f’pajjiżna hija posittiva u tqawwili qalbi. Il-ġenerazzjoni tal-iskart ras għall-ras niżlet għall-591 kilos. Irridu niftakru li konna niġġeneraw mal-700 kilo kull persuna sal-2008. Irrid ngħid li xorta
għadna niproducu aktar mill-medja fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, iżda ir-rata qed tonqos. Barra hekk f’sena waħda biss naqqasna l-volum tal-iskart mitfgħu fil-miżbla b’ 10%.


Il-kampanji ta’ informazzjoni li għamilna u l-facilitajiet li pprovdejna evidentament qed jgħinu biex tinbidel l-attitudni tal-komunita’. Huwa evidenti per eżempju li l-ammont ta’ skart mormi fil-kampanja naqas konsiderevolment, għalkemm baqa’ minn hu rresponsabbli minkejja li pprovdejna ħames ċentri għall-iskart goff li jipprovdu servizz b’xejn kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd. F’dawn l-aħħar ħames snin, il-WasteServ ġabret aktar minn 63,000 tunnellata ta’ skart minn dawn is-siti.


Interessanti li ftit aktar minn nofs dan il-materjal jiġi depositat fiċ-ċentru tal-Imrieħel, fejn ġimgħa ilu organizzajna Open Day. Fl-2011 in-numru ta’ vetturi li daħlu fiċ-Ċentru tal-Imrieħel laħaq kwazi 67,000. Dan juri żieda ta’ 280%, kwazi t-triplu meta mqabbel mal-2007, li kienet l-ewwel sena tal-operat. Tajjeb nirrepeti għal darb’oħra li kwart biss tal-materjal depositat f’dawn ic-centri jispicca fil-miżbla, għax it-tlett kwarti l-oħra jiġi riciklat.


Biss it-triq biex nikkonvinċu biex nimxu f’din it-triq xejn ma kienet waħda faċli. Meta applikajna mal-MEPA biex nibnu dawn iċ-ċentri kienu bosta dawk li oġġezzjonaw, specjalment il-Kunsilli mmexxija mill-Partit Laburista. Illum ħafna minn dawk l-istess nies qegħdin magħna jitkellmu favur aktar separazzjoni ta’ l-iskart u favur il-ħolqien ta’ aktar ċentri bħal dawn. Għax anke huma fehmu li immaniġjar serju tal-iskart jiġġenera aktar ħolqien ta’ mpjiegi. Fadlilna qatigħ x’nagħmlu biex nilħqu l-prattici u l-miri tal-kumplament tal-Unjoni Ewropea iżda mexjin. Qed neżaminaw x’miżuri oħra nistgħu naddottaw, kif ukoll qed naħdmu biex ikollna facilitajiet oħra biex jitrattaw l-iskart li kull wieħed u waħda minn jiġġenera kuljum.

No comments: