Jun 29, 2012

Il-futur tal-agrikultura f'pajjizna

Illum Jum l-Imnarja, jum assocjat mal-biedja ta’ pajjiżna.  F’dan il-jum irrid naqsam magħkom xi ħsibijiet li qsamt mal-bdiewa u r-raħħala f’laqgħa li kelli magħhom dwar il-futur tal-Pjan għall-Iżvillup Rurali għas-snin 2014 – 2020. Ovvjament l-investiment li sar fis-settur fl-aħħar 10 snin kien wieħed massicc u sar permezz tal-għajnuna ta’ qabel is-sħubija kif ukoll permezz tal-programm tal-iżvillupp rurali 2007-2014 li waħdu pprovda €100 miljun lis-settur. B’dan l-investiment issaħħet l-infrastruttura agrikola.

Illum b’dawra fil-kampanja wieħed jinnota li l-ammont ta’ serrer żdiedu, għandna produzzjoni ta’ frott u ħaxix akbar, aktar art bi dwieli u sar titjib impressjonanti fl-irziezet ta’ pajjiżna. Tjieb il-prodott agrikolu li jkun offrut lil-konusmatur, biżżejjed  insemmi li l-ħalib li ngħata l-marka ta’ kwalita’ tal-UE kif ukoll l-imbejjed ta’ pajjżna li llum għandhom il-marka ta’ kwalita’.  

Spjegajt iżda li għad baqa ħafna x’inwettqu. Irridu naraw kif inkomplu ntejjbu l-metodi ta’ tkabbir ħalli tonqos in-nefqa tal-produzzjoni, anke b’work practices u teknoloġiji ġodda. Il-ħidma tal-bdiewa u r-raħħala tagħna jeħtieġ tibda tirrifletti aktar x-xewqat u x-xejriet tal-konsumatur ta’ llum, u għalhekk ukoll hemm bżonn li nkomplu ntejbu l-marketing tal-prodott frisk lokali u l-konsumatur ikollu access aħjar għalih. Inridu nkomplu naħdmu biex niggarantixxu s-sostenibbilita’ tas-settur billi naraw li aktar zgħazagħ ikomplu din l-attivita’.  

Biex dan isir nara l-bżonn li s-settur kollu jkun aktar magħqud biex flimkien inkunu nistgħu verament nagħmlu l-passi li jmiss.  Hemm bżonn ta’ aktar mexxejja tajbin, b’mentalita’ maniġerjali biex jikkordinaw aħjar mal-istakeholders kollha. Neħtieġu business minded leaders li jagħrfu jħarsu lejn il-process sħiħ tal-prodott, mill-għalqa għal ġo l-platt tal-konsumatur. Flimkien irridu nagħrfu li nistgħu nagħmlu qabża oħra ‘l quddiem fil-kwalita’ tal-prodott frisk, ġenwin, u naturalment Malti.

No comments: