Jun 4, 2012

Ricetta ġdida: Kawlata a la Sammut !

Id-Deputat Laburista Joe Sammut għamel żmien iservi bħala kelliem tal-Opposizzjoni dwar is-Sajd.  Nifhem li jista’ jkun ma naqblux fuq ċertu punti, pero żgur li nistenna hu li dan id-Deputat għallinqas ikollu għarfien bażiku ta’ ċertu realtajiet fil-qasam tas-sajd.   F’artiklu ppublikat f’L-Orizzont ta’ llum, jagħmel taħwida papali jew kawlata bil-ħut ! Għal darb’oħra jipprova jwebbel b’affarijiet fiergħa lis-sajjieda.  Qabel ma kiteb Sammut messu ċċekkja li l-Konvenzjoni Internazzjonali li tirregola t-tonn jisimha ICCAT, li tfisser International Convention for the Conservation of Atlantic Tuna u mhux ICAD (mhux żball tat-tipa żgur għax ripetut aktar minn darba!), kif kiteb hu.  Dan l-iżball huwa biss preludju għal sensiela mpressjonanti ta’ żbalji oħra li hemm fl-artiklu.

M’huwiex veru li l-Gvern qasam il-kwota nazzjonali tat-tonn bejn longliners u purse-seiners (u mhux perseinors Onor Sammut !).  Kieku sempliċiment staqsa kien ikun jaf li l-Gvern din is-sena, bi qbil mal-koperattivi tas-sajjieda, ħalla jaħdmu biss bastimenti longliners.  

L-istess ħmerijiet  kitibhom ukoll fir-rigward tal-pixxispad.  Hawn m’hawnx kwota u allura m’għandux x’jaqsam xibka jew sunnara. Barra minn hekk, ta’ min wieħed jinnota li l-qbid tal-pixxispad permezz tal-purse-seiner huwa llegali.  Fis-settur tal-pixxispad daħlu regolamenti dwar daqs minimu tal-ħut li jrid jinqabad kif ukoll perjodu ta’ closed season.  Evidenti li l-Onor Sammut lanqas jaf fuq xhiex qed jitkellem f’dan l-artiklu.

Apparti li nixtieq inkun naf jekk il-pożizzjoni tal-Onor Sammut hijiex ukoll il-pożizzjoni uffiċjali tal-Opposizzjoni ?   Jekk tkun fil-Gvern l-Oppożizzjoni beħsiebha tinjora l-obbligi li daħlet għalihom il-komunita’ internazzjonali, mhux biss l-Ewropa, dwar  miżuri ta’ konservazzjoni favur ċertu speċi ta’ ħut u tpoġġi fil-periklu lis-sajjieda għax tesponi s-sajd malti għal sanzjonijiet  ?  Għal darb’oħra qed naraw il-mod dilettantesk u opportunist li fuqu ssawwar il-politika tagħha l-Opposizzjoni anke fuq il-qasam tas-sajd ! Imbasta jippużaw taħt is-slogan Għaqal fit-Tmexxija.  Fil-fatt riedu jgħidu Tbażwir fit-Tmexxija !

No comments: