Aug 7, 2012

Salini - Investiment kbir ieħor

Is-salini li hemm ħdejn is-Salina limiti tal-Qawra, nbnew mill-Kavalieri fis-seklu sittax minħabba fl-importanza li l-melħ kellu għall-ipriservar tal-ikel. Biex jiddefendu s-salini bnew l-istruttura difensiva tax-Ximenes Redoubt. Aktar tard fiż-żmien inbena maħżen għal melħ ġewwa ir-Redoubt mill-Gran Mastru Ximenes de Texada u fil-1743 ġie skavat fougasse ġewwa ir-Redoubt innifsu u ieħor ftit distanza ’l bogħod. Ix-Ximenes Redoubt huwa uniku għax ġewwa fih għandu ukoll fougasse li hija struttura speċjalizzata ta’ natura difensiva u militari. 

Fis-seklu dsatax inbnew ukoll numru ta’ strutturi (huts) qrib tas-salini sabiex il-melħ jiġi maħżun u maħdum. Dawn l-istrutturi nbnew mir-reġiment Ingliż (Sappers) u huma simili għal dawk li ssib fis-salina ta’ Guerande ġewwa Franza u li jissejħu ‘salorges’. Dawn l-istrutturi kienu mibnija fuq qafas tal-injam li kien magħqud permess ta’ elementi tal-ħadid. Dawn l-istrutturi kienu miksija bl-injam li maż-żmien tmermer u ġie mibdul b’corrugated sheeting tal-ħadid.

Is-Salini fl-aħħar snin kienu jinstabu f’qagħda ħażina ħafna tant li huma mgħarrqa minħabba l-ħsara li saritilhom fil-maltempata tal-2003. Minn dak iż-żmien ’l hawn is-salini ma ntużawx u tħallew fi stat ta’ abbandun. Ix-Ximenes Redoubt kient tinstab ukoll f’qagħda ħażina u fi bżonn ta’ restawr waqt li l-fougasse li hemm ġewwa r-Redoubt jinstab mirdum. Kien għalhekk li tlaqna bi proġett ta’ riabilitazzjoni u restawr ta’ dan il-post. 

Ix-Ximenes Redoubt ser jintuża bħala ċentru għall-viżitaturi li jagħti informazzjoni fuq is-sit kollu – storja, arkaeoloġija, ekoloġija: flora u fawna, ornitoloġija u l-użu tradizzjonali tas-salini. Dan iċ-ċentru se jkun magħqud mal-huts tas-salini permezz ta’ mina li se tgħaddi minn taħt l-art. Is-salini ser jerġgħu jitħaddmu sabiex issir il-produzzjoni tal-melħ u b’hekk tnejn mill-istrutturi li ser ikunu mibnija ser jintużaw biex jaħżnu il-melħ u biex jaħdmuh, jiġifieri kif kienu jintużaw fl-imgħoddi. It-tielet struttura li ser tinbena ser tintuża bħala mużew dedikat għall-produzzjoni tal-melħ f’pajjiżna. Dan il-proġett, li ser jiswa madwar €7 miljun, hu parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.

No comments: