Sep 20, 2012

Eżempju għan-nisa mpenjati fil-politika


Is-sistema politika tagħna hija tali li toħloq kompetizzjoni xi kultant anke ħarxa bejn kandidati tal-istess partit fuq l-istess distrett.  Għalhekk li jkollok kompetitur tiegħek fuq l-istess distretti li jkun etiku u leali huwa ta’ min japprezzah ferm.  Fil-politika dawn huma valuri imprezzabbli.
 
Għalija Dolores Cristina dejjem ħadnet dawn il-valuri u huwa għalhekk ukoll li ddispjaċini mhux ftit meta fl-aħħar jiem infurmatni bid-deċiżjoni tagħha li ghal raġunijiet personali mhux se tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.  Irrid ngħid li dejjem ħdimt tajjeb magħha kemm bħala Ministri fl-istess Kabinett kif ukoll bħala kandidati fuq l-istess Distretti, iġifieri d-9 u l-10 Distrett. 
 
Dolores tat kontribut siewi tul is-snin li fihom offriet li tagħti servizz lil pajjiżna.  Fid-diversi karigi li hi okkupat ħalliet il-frott tal-ħidma tagħha u eżempju ta’ dan huwa skejjel mill-aktar moderni li għandna, numru rekord ta’ studenti fl-Universita’, kif ukoll it-tisħiħ tas-servizzi soċjali u akkomodazzjoni socjali. 
 
Dolores kienet ukoll waħda mill-ftit nisa u omm li servew f’karigi politiċi għoljin.  Hi għandha sservi ta’ mudell għal nisa oħrajn li m’għandhomx jaqtgħu qalbhom, minkejja d-diffikultajiet li taf iġġib magħhom il-ħajja pubblika.  Huwa importanti li l-Partit Nazzjonalista jkompli jressaq lejh nies ta’ valuri li jkomplu jagħmlu ġieħ lill-istorja ta’ dan il-Partit.  Lil Dolores insellmilha u mill-ġdid nirringrazzja għall-ħidma kollha tagħha, anke għal dik li għad trid tagħmel sa dakinhar tal-elezzjoni.

2 comments:

enzo gusman said...

naqbel mieghek George ! grazzi Sinjura Cristina , mhux fuq bazi personali biss , imma anki f'isem il persuni kollha ta' rieda tajba ! Nawguralek li tgawdi l-familja KEMM TIFLAH !! enzo gusman

enzo gusman said...

naqbel mieghek George ! grazzi Sinjura Cristina , mhux fuq bazi personali biss , imma anki f'isem il persuni kollha ta' rieda tajba ! Nawguralek li tgawdi l-familja KEMM TIFLAH !! enzo gusman