Oct 28, 2012

Sajd sostenibbli


Fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej tas-Sajd li saret din il-ġimgħa, intlaħaq ftehim parzjali dwar il-fond (European Maritime and Fisheries Fund – EMFF) li ser isostni r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-Unjoni Ewropea.  Din il-politika dejjem kienet ikkritikata għax tippromwovi sajd mhux sostenibbli.  
 
Rapporti fil-mezzi tax-xandir internazzjonali qed jirrapurtaw kif il-Kummissarju Ewropew tas-Sajd u għaqdiet tal-ambjentalisti, bħalma hi l-Greenpeace, qed jikkritikaw dan il-ftehim u qed jgħidu li dan mhux ser ikun sostenibbli minħabba li jinkludi għajnuniet diretti lis-sajjieda; bħal per eżempju miżuri ta’ għajnuniet għal waqfien mis-sajd biex tittejjeb is-sostenibilita’, u oħrajn li jinkludu għajnuniet għal immodernizzar li jwasslu għal aktar effiċjenza fl-użu ta’ fuel u inqas emissjonijiet.   
 
Din il-posizzjoni tissorprendini mhux biss għax dawn l-għajnuniet huma neċessarji imma anke minħabba l-fatt li qed jiġi njorat l-aktar element importatni tal-fond vis-à-vis sontentibilita.  Tul id-diskussjonijiet, Malta insistiet li l-kriterji għall-allokazzjoni tal-fondi huma aspett essenzjali li bih l-Unjoni tista’ ttejjeb l-istrateġija tagħha għal settur tas-sajd aktar sostenibbli. Minħabba li dawn il-kriterji ġew esklużi minn dan il-qbil u ser jiġu diskussi aktar ‘l quddiem, Malta ma tatx l-appoġġ tagħha għat-test adottat u spjegat kif dan għadu ma jagħtix garanzija li se jkun jista’ jsostni l-ambizzjoni ta’ sostennibilita’ ogħla li għandha r-riforma. 
 
Malta ser tkompli tisħaq li s-settur tas-sajd artiġġjanali fuq skala żgħira għandu jkun il-prijorità tal-Unjoni dan għax is-settur tas-sajd artiġġjanali fuq skala żgħira jaħdem fl-aktar prattiċi tas-sajd sostenibbli.  Nemmnu ukoll li l-fondi għandhom jiġu indirizzati lejn dawk l-oqsma li mhux biss jiġġeneraw l-impjiegi iżda li jiggarantixxu ukoll tkabbir u sostenibbiltà. Il-proposta issa għad trid tiġi diskussa u ratifikata mill-Parlament Ewropew. Nittama li  l-ambjentalisti jiffukaw l-azzjoni tagħhom biex jiżguraw li l-fond jagħti priorita’ lis-sajd artiġġjanali fuq skala żgħira u mhux dak industrijali.

1 comment:

Rio Sammut said...

Nahseb li is-sajd sostenibbli ma jiddependix jekk hux artigganali jew le, izda jiddependi mill-metodi uzati. Per ezempju l-uzu ta' pariti fil-bajjiet minn kajjikki zghar jghamel hsara tremenda lill-hut, mentri l-irziezet tal-awrat u l-ispnott huma pjuttost sostenibbli.