Showing posts with label Renju Unit. Show all posts
Showing posts with label Renju Unit. Show all posts

Feb 15, 2012

The Iron Lady

Matul il-weekend mort nara l-film The Iron Lady li jitratta l-ħajja pubblika ta’ Margaret Thatcher. Dan il-film jipprova jlaqqgħana ma’ Thatcher, interpretata b’mod eccellenti minn Meryl Streep, kif inhi llum u permezz ta’ numru ta’ flashbacks idewwaqna ftit mill-ħajja pubblika tagħha. Minn dan il-film ma titgħallimx l-istorja tagħha iżda tieħu idea tal-karattru tagħha. Thatcher li kienu laqmuha l-Iron Lady, minħabba l-mod b’saħħtu u sod ta’ kif kienet tieħu d-deċiżjonijiet partikolarment fi żmien l-inkwiet industrijali fil-minjieri u l-gwerra tal-Falklands.

Il-film iġib meta Thatcher kienet qed taħsiba tikkontestax għall-kap tal-Partit Konservattiv Ingliż u wieħed mill-assistenti tagħha qalilha: ‘if you love this country lead it’. Kliem li kien ġej minn raġel lil mara f’soċjeta fejn il-mara ma kientex imbuttata fil-kamp politiku daqs illum ! Thatcher rnexxiela tegħleb l-ostakli u telgħet it-taraġ pass pass sa ma waslet biex kisbet il-fiduċja tan-nies fejn damet 11-il sena u nofs bħala Prim Ministru li ġabet riformi kbar fir-Renju Unit.

Dan għamlitu minkejja l-fatt li ma kienetx ġejja minn familja tal-klassi l-għolja, kif storikament jiġu ħafna mill-politici tal-Partit Konservattiv Ingliz. Kienet bint raġel li kellu grocer żgħir. Missierha għallimha taprezza s-socjeta’ mibnija minn nies li jirnexxu b’ħilithom aktar milli f’liema familja jitwieldu, li fl-istess ħin ma jipretendux li jgħixu minn fuq l-istat. Ir-raġel Denis kien ukoll strumentali f’ħajjitha u dan joħroġ b’saħħtu fil-film.

Thatcher, li jkolli nammetti li qatt ma kont xi fan tagħha, hija xempju ta’ persuna fil-politika li ma tibżax tieħu d-deċiżjonijiet li taf li huma tajbin u fl-aħjar interess tal-ġid komuni, anki meta kienet taf, li dawn id-deċiżjonijiet abli ma kienux se jinżlu daqstant tajjeb mal-poplu fl-immedjat u jista’ saħansitra jkollu riperkusjonijiet elettorali. Kienet mara li minkejja li mexxiet nazzjon baqgħet dejjem b’saqajha mal-art. Ħelwa l-parti fil-film meta ddur fuq uħud mill-Ministri tagħha u biex tara kemm huma vicin in-nies ssaqsihom il-prezz ta’ pakkett butir !

Oct 21, 2010

Axe Wednesday

Axe Wednesday. Hekk gie deskritt il-jum tal-bierah mill-BBC. Minkejja li kienu ilhom mistennija, il-bierah ic-cittadini tar-Renju Unit saru jafu d-dimensjoni reali tal-miżuri drastiċi ta’ awsterita’ mħabbra mill-Gvern taghhom biex jindirizza d-deficit fil-budget. Miżuri li jlaħħqu għal madwar 81 biljun Lira Sterlina tnaqqis fin-nefqa tal-Gvern. Skond il-Gvern ta’ David Cameron, dawn huma neċessarji biex iwieżnu l-ekonomija taghhom u jgħinuha toħroġ minn kriżi “li qatt ma rat bħalha qabel”.

Miżuri li skont analisti ekonomiċi se jwasslu għal tnaqqis fil-kwalita’ tal-ħajja tal-poplu tar-Renju Unit b’mod ġenerali. Mizuri li jinkludi biss biss madwar nofs miljun sensja mis-settur pubbliku, tnaqqis f’benefiċji soċjali fl-oqsma kollha tas-soċjeta’, tnaqqis fin-nefqa fuq difiża, twaqqif ta’ proġetti kapitali, twaqqif ta’ proġetti kulturali u edukattivi. Tnaqqis li se jħalli effett fit-tul u li se jkollu effett fuq oqsma oħra tas-soċjeta’ bħas-settur privat.

Miżuri ta’ awsterita’ li jkompli jżidu mal-lista dejjem titwal ta’ pajjiżi Ewropej li ħadu din id-deċiżjoni iebsa. Il-Greċja, l-Italja, Spanja, il-Portugall u Franza huma kollha pajjiżi ġara tagħna fir-reġjun tal-Mediterran u li lkoll wettqu dak li tħabbar illum mill-Gvern tar-Renju Unit.

Quddiem dan kollu, jien nistaqsi kif għad hawn min f’pajjiżna, bhal Kap tal-Opposizzjoni u shabu, jipprova jnessina dan kollu ? Kif għad hawn min jipprova jxejjen l-andament tal-ekonomija Maltija li sa’ llum kienet kapaċi tilqa’ għal dan l-għawġ kollu ? Il-fatti huma li l-Gvern irnexxielu jżomm l-ammont ta’ postijiet tax-xogħol, żied l-esportazzjoni, baqa’ jġib lejn Malta investiment barrani u ma naqqas xejn la mill-pagi u lanqas mis-servizzi soċjali. Dan kollu filwaqt li ma żied ebda taxxa ġdida. X’differenza! L-istess differenza li teżisti bejn Gvern li għandu direzzjoni u policies ċari u effettivi u Oppożizzjoni rresponsabbli li trid tnessina dan kollu.

Sep 19, 2010

Nwarrbu l-fidi minn nofs ?

Segwejt xi ftit iz-zjara li qed jaghmel il-Papa Benedittu XVI fir-Renju Unit. Wiehed mill-kummenti tieghu kien li r-religjon - b’mod partikolari dik Nisranija – “qed tigi mwarrba fil-genb” fid-dinja. Dan il-kumment il-Papa ghamlu waqt li kien qed jindirizza lil numru ta’ Membri Parlamentari, raprezentanti tas-socjeta civili u mexxejja religjuzi f’Westminster Hall f’Londra. Il-Papa wissa li hemm nies li jridu joqtlu l-lehen tar-religjon. Rega ghamel referenza ghal dan ukoll f’Westminster Abbey meta talab lill-insara biex jitkellmu fil-berah dwar il-fidi taghhom. Hafna osservaturi nterpretaw dan bhala rallying call, biex ir-religjon ma tigiex meqruda mis-socjeta’ sekularizzata li qed nghixu fiha.

Personalment inhoss li din l-attitudni biex r-religjon titwarrab fil-genb tezisti b’mod qawwi fil-media tal-punent, inkluz dik ta’ pajjizna. Hemm bias kontra r-religjon fir-rappurtagg, li huwa l-aktar b’sahhtu fil-konfront tal-hsieb tal-Knisja Kattolika. Hemm persuni fil-media li jridu jeliminaw id-dimensjoni tal-fidi mill-hajja pubblika.

Il-Knisja taghmel zball jekk tinjora din il-mewga. Ikun zball jekk il-Knisja ddahhal rasha fir-ramel u tahseb li din it-theddida se tmut wahedha. Jehtieg li l-Knisja tkun organizzata aktar biex tfiehem il-hin kollu l-posizzjoni taghha halli tiprova tinnewtralizza kemm jista jkun din it-theddida. Il-Knisja jehtieg tibni alleanzi anke ma’ religjonijiet ohra, inkluz dik Islamika, biex zzomm id-dimensjoni religjuza prezenti specjalment fil-media. Minn naha l-ohra ikun zball kbir jekk il-Knisja tinqeda b’kummentaturi li jesegeraw in-natura ta’ din it-theddida. L-argumenti li jridu jintuzaw iridu jkunu bbazati fuq ir-razzjonalita’ u mhux fuq l-emozzjoni. Sadanittant irridu nkunu ahna lkoll li naghmlu l-parti taghna u mhux nistennew dejjem lill-mexxejja tal-Knisja biex jagixxu.