Apr 18, 2008

Terremot

Kieku kelli nagħzel kelma biex niddeskrivi r-rizultat ta’ l-elezzjonijiet politiċi fl-Italja ngħid li dawn ħolqu terremot. Il-politika fl-Italja hija interessanti u jien għandi ħafna ħbieb antiki li jimmilitaw fiz-zewġ skjeramenti politiċi ewlenin. Il-qasma ta’ l-ex Democrazia Cristiana fissret li z-zgħazagħ li jien kont naf fiz-zmien li għamilt fl-MZPN u fiz-Zghazagh Demokristjani Ewropej (EYCD) llum qed isiru jew sar politici ewlenin fl-Italja f'diversi partiti.

Pero din l-elezzjoni ħolqot it-terrimot li semmejt aktar qabel. Kieku kelli ngħid min ħareġ l-aktar rebbieħ f’din l-elezzjoni ngħid li din hi l-politika Taljana. Bizzejjed wieħed jiftakar li fl-elezzjonijiet ta’ l-2006 fil-Parlament Taljan kien hemm mal-25 partit rapprezentat. Wara nhar il-Ħadd dawn nizlu għal sitt, b’hamsa minnhom li huma f’koalizzjoni maz-zewġ gruppi l-kbar. Din hija l-istabbilita’ li tant hemm bzonn f’kull demokrazija.

Taqbel jew ma taqbilx ma’ Berlusconi, jibqa’ l-fatt li dan għandu maġġoranza stabbli u l-aħħar li kellu maġġoranza stabbli hekk, fl-2001, dan irnexxielu jkun wieħed mill-uniċi Gvernijiet Taljani minn wara l-gwerra li għamel il-leġislatura kollha. Terrimot kbir ieħor kien il-fatt li għall-ewwel darba l-partiti tax-xellug estrem ġew eskluzi mill-Parlament u s-Senat. Dawn huma l-partiti li ħafna jakkuzaw li wasslu għall-waqa’ tal-Gvern ta’ Prodi ghax ma hallewx jimplimenta politika effettiva biex iggib il-bidla li l-Italja ghandha bzonn.

Nagħlaq b’kumment interessanti li smajt minn wieħed mill-ġurnalisti ewlenin fl-Italja – dak li m’għamilx ic-centru-lemin f’60 sena, għamlu Veltroni fi ftit xhur għax bil-Partito Democratico ikkundanna lill-partiti tax-xellug estrem u lil hodor għall-akbar telfa li qatt ġarrbu, tant li mhux se jkunu prezenti fil-Parlament Taljan.

No comments: