Jan 21, 2009

Tama gdida

Il-bieraħ filghaxija mort insegwi ghand l-Ambaxxatrici Amerikan, l-inawgurazzjoni tal-President, Barack Obama. Ftit huma l-okkazjonjiet fejn wieħed iħoss sens ta’ tama bħalma ġara l-bieraħ fejn baħar ta’ nies riedu jkunu xhieda tal-istorja hekk kif l-ewwel raġel Afro-Amerikan ħa l-ġurament bħala l-44 president tal-Istati Uniti.

Jekk l-amministrazzjoni Obama hux se tkun suċċess jew le niġġudikawh fi ftit snin oħra. Li hu zgur hu li l-President ġdid għandu warajh pajjiz magħqud li qed iħares ‘l quddiem wara snin li matulhom naqset drastikament il-fiduċja fit-tmexxija. Kif qal Obama stess, hu daħal fil-kariga f’mument fejn l-ekonomija Amerikana u dik dinjija għaddejja minn maltemp ikrah, il-pajjiz jinsab fi gwerra fuq aktar minn front wieħed u b’aspettativi minn naha tan-nies għoljin ħafna.

Hu poġġa quddiemu miri ambizzjuzi ferm u għandu d-dinja kollha tħares lejh biex tiġġudikah. Laqatni ferm l-importanza li ta lill-ambjent fid-diskors ta’ inawgurazzjoni fejn tenna l-impenn tal-Gvern tiegħu li l-Amerka tħares b’impenn ġdid lejn responsabbiltajiet fejn jidħlu tibdil fil-klima u investiment f’sorsi ta’ enerġija nodfa.

Ir-riskji għal Obama huma kbar imma s’issa wera li hu kapaċi jqum għall-okkazjoni. Hu mnebbaħ minn mexxejja kbar li kitbu l-istorja kif nafuha llum. Obama ried li l-inawgurazzjoni tiegħu tkun iddedikata lil Abraham Lincoln, President storiku li ħalla effett kbir fuq il-President il-ġdid.

Obama s’issa wera li kapaċi jasal, anke jekk kontra l-kurrent. Kif qal hu stess, il-bieraħ ħa l-ġurament ta’ president f’pajjiz fejn sa’ sittin sena ilu raġel iswed lanqas kien jista’ jidħol f’ristorant. It-tama ta’ kulħadd hi li minn hawn u 4 snin oħra Obama mhux biss ikun President t’ambizzjonijiet, imma jkun ukoll President li zamm kelmtu u mplimenta tal-ambizzjonjiet tal-poplu Amerikan u anke dak dinji. Good luck !

No comments: