Il-maltemp, ikkawżat mill-kriżi finanzjarja dinjija bla preċedent, għadu ma għaddiex. Stejjer tal-aħħar jiem juru kif il-produttur tal-karozzi Nissan se jneħħi 20,000 impjieg mill-aktar fis. Fl-istess industrija tal-karozzi fl-aħħar sitt xhur ġie rreġistrat tnaqqis fl-attivita’ ta’ kważi 50%.
Ċertu fatti jħalluk bla kliem. F’nofs din il-kriżi, ikkawżata primarjament minn aġir xejn adatt minn ċerti istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, nisimghu li ċertu banek qed jiddiskutu x’bonus jagħtu lill-għola uffiċjali tagħhom ! Inkredibbli ! Il-Grupp tar-Royal Bank of Scotland qiegħed jhewden kif iqassam mal-biljun lira sterlina f’bonuses lill-ogħla uffiċjali tiegħu, fl-istess żmien li depożitaturi żgħar qed jirriskjaw serjament il-falliment. Wara li l-media kixfet dan l-iskandlu, saret presjoni kbira fuq dan il-bank tant li dan naqqas il-bonuses minn £1,000 miljun ghal £175 miljun !
Nifhem ir-rabja tal-Prim Ministru Ingliż quddiem din l-aħbar ! Il-kunsiderazzjonijiet hawnhekk jistgħu jmorru lil hinn minn sempliċiment argumenti finanzjarji. Hemm ukoll element ta’ konsiderazzjoni soċjali, u għaliex le, anke regħba minn uffiċjali li kienu involuti direttament fit-teħid tad-deċiżjonijiet li għenu mhux ftit biex is-sitwazzjoni ppreċipitat u issa qed jistennew premju!
Il-lezzjonijiet minn din il-kriżi finanzjarji huma ħafna u jkun żball kbir jekk inħallu din il-kriżi tgħaddi mingħajr ma nadottaw prattiċi li jevitaw sitwazzjonijiet simili fil-futur. Fuq aspett etiku, hemm x’nitgħallmu wkoll u nittama li din l-esperjenza ma tkunx ġiet u marret għalxejn.
No comments:
Post a Comment