Jun 24, 2009

Neda - l-anglu tal-liberta'

Neda Agha Soltan ta' 27 giet imlaqqma L-Anglu tal-Liberta' wara li sfat maqtula mill-forzi tal-gvern f'wahda mill-protesti li għaddejjin f’dawn il-jiem fl-Iran. Saret is-simbolu tal-glieda tal-opposizzjoni fl-Iran. Pajjiż importanti ħafna fil-kuntest tal-istabbilita’ fid-dinja, specjalment fir-reġjun ferm sensittiv u fraġli tal-Lvant Nofsani.

Pajjiż immexxi minn gwida suprema spiritwali, l-Ayatollah, li hu l-ogħla setgħa fil-pajjiż. Imbagħad jiġi l-President, kariga importanti u li fl-aħħar snin kienet f’idejn Ahmadinejad, bniedem li kien fl-aħbarijiet ħafna drabi għal raġunijiet negattivi jew kontroversjali. Ġimgħatejn ilu saret elezzjoni li ntqal li ntrebhet b’mod konvinċenti mill-President attwali li ġie dikjarat rebbieħ bi 62% tal-voti.

Immedjatament bdiet mewġa popolari ta’ protesti kontra dan ir-riżultat ghax bosta jsostnu li hu rizultat mbaghbas sew. Rajna protesti li ħafna ħasbu li mhux se jerġgħu jaraw f’Teheran wara r-rivoluzzjoni Islamika ta’ Khomeini tal-1979. Iżda l-poplu Iranjan ma beżgħax, minkejja t-theddid, li jesprimi fehemtu. Bdew jaqgħu u jmutu n-nies iżda magħhom beda jixxaqqaq u jaqa’ wkoll il-ħajt ta’ kenn li dejjem kellha t-tmexxija suprema Iranjana.

Aktar ma żdied it-theddid, aktar żdiedet id-determinazzjoni ta’ poplu mweġġa’, li qed juri li xeba’ b’dak li għaddej f’pajjiżu. Il-poplu Iranjan huwa poplu ta’ kultura, attent għal dak li għaddej barra l-konfini ta’ pajjiżu. Poplu li ma jibżax mit-teknoloġija, anzi f’mumenti ta’ oppressjoni sabha bħala mezz utli ta’ kif qed iwassal leħnu. Jista’ jkun li dawn l-irvellijiet jintemmu u t-tmexxija tibqa’ dik li hi llum. Pero l-għajta ta’ weġa’ tal-poplu Iranjan ta’ dawn il-jiem żgur li nstemgħet u se tibqa’ tidwi u tagħmel ħoss fix-xhur u fis-snin li ġejjin. Sadanittant il-Gvern Iranjan jirritalja u jakkuza gvernijiet barranin b'"Indhil Barrani". Smajniha xi darba f'pajjizna !

No comments: