Nov 5, 2009

Qargha hamra minflok il-kurcifiss ?

Id-deċiżjoni mħabbra nhar it-Tlieta mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu dwar l-użu ta’ kurċifissi fl-iskejjel hija fl-opinjoni tieghi zbaljata u mhux ta' b'xejn qajmet kontroversja sħiħa. Il-Qorti tal-Kunsill tal-Ewropa ġiet mitluba tippronunzja ruħha dwar każ imressaq minn omm Fillandiża ta’ nazzjonalita’ Taljana li talbet li l-kurċifissi jiġu mneħħija mill-klassijiet tal-iskejjel. Il-Qorti laqgħet it-talba ta’ din l-omm.

Nifhem is-sentiment ta’ Monsinjur Arċisqof Pawlu Cremona li f’reazzjoni għal din is-sentenza ddeskriviha bħala forma ġdida ta’ "ċensura". Naqbel mal-Arċisqof meta jgħid li r-realta’ illum tfisser li persuna tista’ tesprimi ruħha fuq kwalunkwe ħaġa, ħlief fuq ir-reliġjon. Din mhijiex kwistjoni bejn reliġjonijiet imma hija tendenza ġdida li qed dejjem tikber li trid tneħħi kull forma jew simbolu ta’ twemmin jew reliġjon.

Kif qal tajjeb l-ispeaker tal-Parlament Taljan Gianfranco Fini, din mhijiex sentenza favur il-lajċita’ tas-soċjeta’, imma hija espressjoni ta’ negazzjoni tat-twemmin tagħna. Kif ġa kelli okkażjoni nikteb f’dan il-blog, f’moħħi jiġini kliem il-mibki Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni li f’Settembru tal-2002 kien qal: "f’dinja dejjem aktar sekulari u materjalista, il-preżenza ta’ simbolu tal-fidi, bħalma hu l-kurċifiss qed isir dejjem aktar importanti f’postijiet pubbliċi."

Fl-opinjoni umli tiegħi, dawn id-deċiżjonijiet qed ikomplu jgħinu biex jikber sentiment fis-soċjetajiet moderni li nistghu nghixu minghajr Alla. Kurċifiss m’għandux jitqies bħala simbolu tal-Kristjaneżmu, imma huwa xhieda ta’ mħabba estrema. Hija ħasra li dawn it-tradizzjonijiet kulturali b’tant egħruq tul snin twal ta’ ċivilizzazzjoni qed jispiċċaw fil-mira ta’ sentenzi li qed ikunu superfiċjali żżejjed. B'sentenza bhal dawn se nispiccaw biss bil-qargha hamra ta' Halloween !

No comments: