Showing posts with label Kurcifiss. Show all posts
Showing posts with label Kurcifiss. Show all posts

Nov 5, 2009

Qargha hamra minflok il-kurcifiss ?

Id-deċiżjoni mħabbra nhar it-Tlieta mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu dwar l-użu ta’ kurċifissi fl-iskejjel hija fl-opinjoni tieghi zbaljata u mhux ta' b'xejn qajmet kontroversja sħiħa. Il-Qorti tal-Kunsill tal-Ewropa ġiet mitluba tippronunzja ruħha dwar każ imressaq minn omm Fillandiża ta’ nazzjonalita’ Taljana li talbet li l-kurċifissi jiġu mneħħija mill-klassijiet tal-iskejjel. Il-Qorti laqgħet it-talba ta’ din l-omm.

Nifhem is-sentiment ta’ Monsinjur Arċisqof Pawlu Cremona li f’reazzjoni għal din is-sentenza ddeskriviha bħala forma ġdida ta’ "ċensura". Naqbel mal-Arċisqof meta jgħid li r-realta’ illum tfisser li persuna tista’ tesprimi ruħha fuq kwalunkwe ħaġa, ħlief fuq ir-reliġjon. Din mhijiex kwistjoni bejn reliġjonijiet imma hija tendenza ġdida li qed dejjem tikber li trid tneħħi kull forma jew simbolu ta’ twemmin jew reliġjon.

Kif qal tajjeb l-ispeaker tal-Parlament Taljan Gianfranco Fini, din mhijiex sentenza favur il-lajċita’ tas-soċjeta’, imma hija espressjoni ta’ negazzjoni tat-twemmin tagħna. Kif ġa kelli okkażjoni nikteb f’dan il-blog, f’moħħi jiġini kliem il-mibki Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni li f’Settembru tal-2002 kien qal: "f’dinja dejjem aktar sekulari u materjalista, il-preżenza ta’ simbolu tal-fidi, bħalma hu l-kurċifiss qed isir dejjem aktar importanti f’postijiet pubbliċi."

Fl-opinjoni umli tiegħi, dawn id-deċiżjonijiet qed ikomplu jgħinu biex jikber sentiment fis-soċjetajiet moderni li nistghu nghixu minghajr Alla. Kurċifiss m’għandux jitqies bħala simbolu tal-Kristjaneżmu, imma huwa xhieda ta’ mħabba estrema. Hija ħasra li dawn it-tradizzjonijiet kulturali b’tant egħruq tul snin twal ta’ ċivilizzazzjoni qed jispiċċaw fil-mira ta’ sentenzi li qed ikunu superfiċjali żżejjed. B'sentenza bhal dawn se nispiccaw biss bil-qargha hamra ta' Halloween !

Nov 27, 2008

Innehhu l-Kurcifiss ?

Id-dibattitu perenni dwar il-lajċita’ tas-soċjeta’ u tal-pajjizi huwa wieħed jaħraq. Jiġri wkoll li minn zmien għal zmien iseħħu fatti li jerġgħu jqajmu u jiftħu beraħ dan id-dibattitu. Id-deċizjoni li ħa din il-ġimgħa Maġistrat fi Tribunal f’Valladolid fi Spanja, li qatagħha li l-kurċifiss għandu jitneħħa mill-klassijiet u miz-zoni pubbliċi kollha fl-iskola pubblika tal-istess belt "halla titnehha l-impressjoni li l-istat jipreferi r-religjon Kattolika".

Il-kwistjoni kollha tizvolġi madwar l-argument jekk il-prezenza tal-kurċifiss, li hu l-aktar simbolu viziv tal-Kattoliċizmu, f’post pubbliku tmurx kontra l-liberta’ ta’ ħsieb, ta’ espressjoni u ta’ affiljazzjoni ta’ individwu. Id-deċizjoni ta’ Valladolid hija preċedent peress li hija l-ewwel tat-tip tagħha fi Spanja, pajjiz fejn dan id-dibattitu huwa wieħed ħaj ħafna, l-aktar kemm ilha t-tmexxija tal-Gvern ta’ Zapatero.

Eqreb lejn pajjizna, dan it-tip ta’ dibattitu huwa wieħed regolari wkoll fl-Italja. Matul il-leġislatura li għaddiet, kien hemm maġistrat li wkoll laqa’ talba ta’ minorita’ Izlamika u abolixxa l-prezenza ta’ kurċifissi f’postijiet pubbliċi, wara li dawn ħassewhom urtati minħabba impediment tal-liberta’ tagħhom. Il-Gvern Taljan ta’ dak iz-zmien iddeċieda li ma jimxix ma’ dik id-deċizjoni, minkejja li l-gvern kien maghmul minn Kristjani prattikanti u anke ateisti.

Għall-grazzja t’Alla, dawn il-polemiċi għadhom ma waslux f’artna. Aħna poplu bi storja twil ta’ Kristjanezmu. Jien intenni dak li ddikjara l-Papa Ġwanni Pawlu II nhar il-Ħadd 15 ta’ Settembru 2002 meta ddikjara li "f’dinja dejjem aktar sekulari u materjalista, il-prezenza ta’ simbolu tal-fidi, bħalma hu l-kurċifiss qed issir dejjem aktar importanti f’postijiet pubbliċi".

Onestament naqbel totalment ma' dak li qal Mons. Rodriguez Plaza, Arcisqof ta' Valladolid wara din id-decizzjoni, "il-Kurcifiss f'kultura bhal taghna ma joffendi lil hadd, ghax il-Kurcifiss huwa biss simbolu ta' mhabba u paci"