Mar 9, 2012

Inħabbat il-bibien

Xi ħadd staqsini dan l-aħħar nirrakkonta l-esperjenza tiegħi tal-homevisits. Ikolli nistqarr mill-bidu li nqis il-homevisits bħala esperjenza unika li minnha nitgħallem dejjem. Tressaqni vicin il-ħajja li jgħixu n-nies. Qabel xejn nirringrazzja lil kull min jiftaħli l-bieb u jilqgħani f’daru. Niprova kemm jista jkun inkun informali, infatti ħafna drabi nitlob lill-familja ddaħħalni fejn tgħix il-familja, fil-kamra tal-ikel jew il-kamra fejn tghix il-familja, aktar milli tilqani fis-salott formali.

Nara n-nies fl-ufficcju tiegħi mill-anqas darba fil-ġimgħa, imma ż-żjajjar fid-djar ilaqqgħuk mal-maġġoranza tan-nies li hafna drabi qatt ma jiġu jħabtu l-bieb. Nagħti ħafna mportanza lill-homevisits, tant li ftit xhur wara l-aħħar elezzjoni kont diġa bdejt inħabbat il-bibien nhar ta’ Ħamis u Ġimgha. Ovvjament issa żidt ir-ritmu. Bħala regola, nidħol għand kull minn jogħġbu jiftaħli. Ma noqgħodx niccekja s-simpatiji politici tal-familji.


Fiż-żjajjar niprova nsir naf il-familja. Fejn jaħdmu, kemm għandhom tfal, kif iqattgħu l-ħin liberu. Naqsam magħhom il-biżat jekk jirrakkontaw problem ta’ saħħa, naqsam magħhom il-ferħ meta jitkellmu fuq is-success tat-tfal fl-edukazzjoni jew xi wild ġdid fil-familja.

Ikun hemm okkażżjonijiet fejn nintalab ngħin. Ħafna drabi ma jitolbux aktar minn parir jew biex xi materja titħaffef għax tkun indifnet fil-burokrazija. Ma jonqsux lanqas il-gaffes waqt il-homevisits. Uħud diga kelli okkażżjoni nirrakkonthom pubblikament, bħal meta anzjana tatni tazza sħiħa ta’ orange squash x’nixrob u spiccajt nixrob kwart minnha; stejjer oħra xi mument nirrakkonta aktar minnhom !

No comments: