Mar 23, 2012

Misruqa

Illum nagħtu l-aħħar tislima lil Fr.Peter. Kelli x-xorti naħdem mieghu mill-qrib għal kważi ħames snin meta okkupajt il-kariga ta’ CEO fi ħdan il-Kunsill Malti għax-Xjenza U Teknoloġija meta hu kien Chairman u ħalla impatt li ngħożż għal ħajti kollha. Kien persuna mhux biss intelliġenti imma kellu fuq kollox ħafna ħiliet. Kien filosofu, matematiku, studjuż tal-loġika, kelliem ta’ bosta lingwi, awtur, poeta, kittieb inkluż ta’ opri u fuq kollox bniedem ta’ għarfien wiesa u vast fuq suġġetti varji. Kien kapaci jitkellem fuq it-teoloġija sa l-lampuki. Darba ġie mistieden jiftaħ wirja tal-arti, u waħda mix-xogħlijiet kien fiha figura ta’ lampuka. Spicca jispjega l-vjaġġi li tagħmel il-lampuka u l-familja sħiħa tal-ispeci ! Kien jitkellem b’passjoni. Xi kultant jitilfek għax ma tkunx kapaci tinżel fil-fond li kien kapaci jinżel hu. Imma dan ma kienx jagħmlu biex jitkessaħ u juri kemm jaf, anzi kien jibda jistħi jekk jinduna li mhux issegwi aktar.

Bhan-nies li jkunu aktar moħħhom fl-istampa l-aktar wiesa’, aktar milli fil-ħtiġijiet żgħar tal-mument, kien jispicca jinsa xi affarijiet. Mhux għax il-memorja ma kenitx tagħtih imma għax ikun qed jhewden fuq elf haġa oħra. Jeżistu bosta stejjer fuq hekk. Uħud veri, oħrajn ivvintati jew imżejna żżejjed. Kien persuna jaf jiccajta u kien kapaci juża l-umoriżmu biex jenfasizza xi punt li kien ikun qed jagħmel fid-diskors tiegħu. Kellu żewġ nagħmriet partikolari, il-clowns u l-ħmir. Kien jogħxa jiġbor xi bicca nformazzjoni ġdida fuqhom.


Imma l-aktar ħaġa li kienet tolqotni fih kienet l-umilta’. Minkejja l-għerf kbir li kellu u l-karigi prestiġjużi li okkupa f’ħajtu f’pajjiżna u barra minn pajjiżna, Fr.Peter baqa persuna mill-aktar umli. Ma kont tisimgħu qatt jiftaħar fuqu nnifsu. Dejjem kawt fuq kif jipreżenta lilu nnifsu. L-umilta’ kienet it-trademark tiegħu. Niftakar li meta tlabtu biex jgħammed lil bintna Mattea tgħidx kemm kien feraħ u qalli “X’unur dak!”. Jien kont pront u għidtlu “L-unur kollu tagħna li taccetta”.


Se jibqa jitfakkar fuq kollox bħala l-persuna li trasforma l-Universita’ ta’ pajjiżna minn waħda magħluqa għal waħda bil-bibien miftuħa. Mhux biss mill-aspett fiżiku, fejn minn Universita’ bi ftit mijiet ta’ studenti morna għal Universita’ li tilqa fiha eluf kbar ta’ studenti, imma anke f’sens pluralistiku ta’ opinjonijiet u opportunitajiet differenti. Universita’ li kapaci tirrispondi għall-ħtiġijiet ta’ llum u ta’ għada.


Fr.Peter kien fuq kollox persuna progressiva. Il-ħin kollu jhewden kif se jaccentwa l-bidla li tgħolli l-għarfien u l-għerf fis-socjeta’. Kien jemmen bis-sħiħ li pajjiżna jista’ jkun fuq quddiem f’din id-dinja ġdida fejn fizikament ħadd u l-ebda pajjiż m’għadu gżira. Dinja ġdida fejn kemm tavvanza ma jiddependiex aktar fuq ir-riżorsi materjali, iżda fuq l-għerf u l-kreattivita’. Kien dan il-ħsieb li ppromova fil-Partit Nazzjonalista. Fr.Peter ma kienx politiku. Imma kien għaraf li l-PN jista’ jkun għodda, mhux finalita’ fih innifsu, biex iġib din il-bidla u għalhekk xettel u saqqa dawk l-ideat. Fil-ħidma tagħna ta’ kuljum irridu nkomplu naħdmu biex inkomplu l-bidla kuljum kif kien jemmen Fr.Peter.

No comments: