Showing posts with label animal ambulance. Show all posts
Showing posts with label animal ambulance. Show all posts

Apr 16, 2012

Jaqbel għall-kelb, jaqbel ghalik.

Il-bieraħ żort attivita li kienet qed titella’ ġewwa ċ-Ċentru San Franġisk għal-ħarsien tal-annimali fejn il-familji kienu mistednin jmorru f’dan iċ-ċentru biex jagħmlu microchip lil-kelb tagħhom. Ma kull microchip li saret il-veterinarji offrew servizz ta’ check up u trattament tal-ħniex b’xejn għal kull kelb. Kien hemm ukoll numru ta’ organizazzjonijiet volontarji li jaħdmu fil-qasam tal-annimali li tellgħu stands informattivi dwar il-ħidma tagħhom b’risq l-annimali.

Il-Microchip hija ċippa zgħira ħafna injettata taħt il-ġilda tal-kelb. Din hi injezzjoni li ssir bejn l-ispalel (intrascapulae). Din iċ-ċippa jkollha fiha numru t’identifikazzjoni uniku għal kull kelb u b’hekk il-kelb ikun reġistrat fuq sistema nazzjonali. Din iċ-ċippa toffri numru ta’ vantaġġi fosthom f’każijiet fejn kelb jintilef, jitħalla abbandunat, ikun involut f’xi inċident, u f’kull każ ieħor, l-informazzjoni kollha marbuta mal-kelb u s-sid tkun aċċessibbli permezz ta’ apparat li jaqra ċ-ċippa. Sa llum ‘l fuq minn 22,000 kelb ġew reġistrati permezz taċ-ċippa.


Sa l-bieraħ stess ħaddiema tal-Animal Welfare sabu kelb labrador barra, ġabruħ u permezz taċ-ċippa sabu min kien is-sid u rritornaw il-kelb. Każijiet simili qrajna dwarhom ukoll fil-gazetti lokali u internazjonali. Hija faċli li jintilef kelb imma mhux daqstant faċli li jinstab u jkun identifikat jekk mhux permezz taċ-ċippa. Barra hekk wieħed irid jikkonsidra li sistema bħal din għanda sservi ta' deterrent għal min ikun inklinat li jabbandu l-kelb. Sa llum għad għandna wisq klieb abbandunati. Irridu nifhmu li l-klieb mhux biss huma carriers ta' mard, imma meta jkunu flimkien jispiccaw aggressivi fuq annimali oħra u fuq anke nies.

Kien dan il-ħsieb li wassal biex daħħalna regolament li kull kelb sa Ġunju ta’ din is-sena jrid jiġi microchipped. Wieħed jista’ jieħu l-kelb għand Veterinarju tal-għażla tiegħu biex issirlu l-microchip. Il-ħlas hu ta’ €11.80 (VAT inkluż) fil-każ ta’ klieb imsewwija (neutered) u €22.70 fil-każ ta’ kelb/a mhux imsewwi/ja. Din id-differenza qed issir biex tħajjar lis-sidien isewwu l-klieb tagħhom u b’hekk jonqos in-numru ta’ klieb li jistgħu jispiċċaw jiġġerrew fit-toroq. Għal dawn l-aħħar ħamsin sena, kien hemm l-obbligu li tinħareġ liċenzja mill-Pulizija li tiġġedded kull sena bi ħlas annwali ta’ €2.33. dan kien ifisser li kelb li jgħix medja ta’ 12-il sena is-sid kien obblgat li jħallas €28 fuq 12-il snin. Mentri issa il-massimu li jħallas hu €22.70.

Apr 13, 2010

Storja ta' success

Matul l-ahhar sentejn ghamilna verament qabza ta' kwalita fis-servizzi li qed noffru fil-qasam tal-harsien tal-annimali. Il-bierah zort id-Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali f’għeluq is-sentejn minn mindu waqqafnih. Kien ilu jinħass il-bżonn li f’pajjiżna jkollna dipartiment li jħares lill-annimali li sfortument jisfaw maħqura jew abbandunati minn nies irresponsabbli. Il-ħaddiema ta’ dan id-dipartiment taht it-tmexxija tad-Direttur Mario Spiteri, ħadmu bla heda biex illum wasalna fejn wasalna.

F’Jannar ta’ din is-sena, wara proġett pilota li wettaqna s-sena l-oħra, bdiet topera l-ambulanza għall-annimali mill-istess dipartiment 24 siegħa kuljum. F’dawn l-ewwel 3 xhur ta’ din is-sena dan is-servizz issejjaħ għal aktar minn 500 darba. Hasra pero li kien hemm mal-50 telefonata falza. Minn naħa l-ohra huwa ta’ sodisfazzjon li madwar 30% tal-klieb salvati qed isibu familja li tilqagħhom. Biex inziedu n-numru ta' annimali addottati se ntejjbu l-website tad-Dipartiment halli ikun hemm ritratti tal-annimali li jkunu fi stat li jistgħu jiġu addottati, wara li jkunu trattati.

Kemm ilu mwaqqaf id-Dipartiment ghamel ‘l fuq minn 1,000 spezzjoni f’pet shops, irziezet, santwarji u fi djar privati, wara rapporti ta’ allegat moħqrija. Sa llum ittieħdu, jew se jittieħdu, passi kriminali kontra 25 persuna fil-Qorti.

Id-dipartiment wettaq ukoll programm ta' neutering ta’ l-annimali tat-triq. Gew trattati aktar minn 2,000 strays. Dan sar b’investiment ta’ aktar minn €200,000. Il-pass li jmiss hu li nintroducu regolamenti li jaghmluha obligatorja li klieb tat-tip 'Pit Bull' u razez simili jiġu kollha micro-chipped. B'hekk is-sid tagħhom ikun dejjem jista jiġi traċċat u f’każ li dawn l-annimali jkunu abbandunati jkun jista jiġi ddentifikat min ikun wettaq dan ir-reat. B'mod gradwali rridu naslu biex il-klieb kollha jkunu micro-chipped.

Jan 8, 2010

Ambulanza ghall-Annimali

Wara l-proġett pilota tul it-tieni nofs tas-sena 2009 fejn bdiet topera l-ambulanza tal-annimali, mill-ewwel ta’ Jannar dan is-servizz beda jiġi offrut mid-Dipartiment għat-Trattament Xieraq tal-Annimali. Irrid nirringrazzja lill-għaqda Noah’s Ark li daħlet fi ftehim mal-Gvern u ħaddmet dan is-servizz sa’ tmiem l-2009.

B’kollox mill-bidu ta' din is-sena nġabru mal-40 kelb u qattus. Huwa nkoraġġanti l-fatt li ħafna minn dawn l-annimali salvati sabu familji li jilqgħuhom fi djarhom. Napella sabiex min jista’ u min għandu għal-qalbu l-annimali biex jilqa’ kelb jew qattus id-dar tiegħu. Jidher għalhekk li l-ambulanza tal-annimali hija bżonjuża ħafna għal-pajjiżna. Dan is-servizz jinstab ukoll ġewwa għawdex permezz ta’ ambulanza li qegħda tintuża u tkun operata mill-fergħa Għawdxija tal-SPCA.

Ix-xogħol tal-hafna volontiera li jaħdmu b’risq dawn l-annimali abbandunati flimkien mal-ħidma tad-Dipartiment li issa dieħel fit-tieni sena’ mit-twaqqaf tiegħu, qegħda tissarraf f’riżultati pożittivi favur il-ħarsien tal-annimali. Irrid għal darb’oħra nerġa ntenni l-grazzi tiegħi lill-ħaddiema tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali li b’ħidmiethom qed jaghtu ezepmju.

Ta’ min ifakkar li l-ħidma tal-Gvern favur l-annimali tmur lil hinn mis-servizz tal-ambulanza għaliex għadu għaddej ix-xogħol biex aktar tard din is-sena jitlesta ċ-Ċentru għat-Trattament tal-Annimali f’Ta’ Qali. Dawn huma l-provi ta’ ħidma minn Gvern li tabilħaqq jemmen, u jinvesti favur ħarsien aħjar tal-annimali tagħna.

Jul 10, 2009

Servizz ta' Animal Ambulance

Nistqarr li wieħed mis-setturi li l-aktar li jtuni sodisfazzjon bix-xogħol li qed inwettqu fih huwa dak tal-animal welfare. Settur li kulma jmur qed isir dejjem aktar importanti u ta’ attwalita’, grazzi ukoll għall-hidma ta’ voluntiera u l-inizjattivi li qed jieħu l-Gvern.

Illum għaddejna ambulanza oħra lil Noah’s Ark biex ikompli jissaħħaħ is-servizz li beda bi prova fl-ewwel ta’ Gunju ta’ din is-sena. Illum ukoll, f’isem il-Gvern, iffirmajt ftehim mal-NGO Noah’s Ark li qegħda tmexxi dan is-servizz ta’ 24 siegħa kuljum imħallas mill-Gvern.

Matul dan ix-xahar ta’ prova daħlu ‘l fuq min 100 każ ta’ emergenza minbarra diversi każi oħra ta’ klieb u qtates li kienu abbandunati f’toroq traffikużi u li anke bl-għajnuna tad-Dipartiment għat-Tratament Xieraq tal-Annimali ġew miġbura f’ħin f’waqtu biex b’ hekk ġie evitat li dawn l-annimali jispiċċaw milquta mill-karozzi.

Din is-sistema tal-ambulanza taħdem billi kull min irid jirrapurta każ ta’ annimali abbandunati jew mweġġa għandu jċempel id-depot tal-pulizija fuq in-numru 21224001 u tkun il-pulizija li ssejjaħ għall-ambulanza. Permezz ta’ żewġ ambulanzi f’Malta u oħra f’Għawdex mmexija mill-Gozo SPCA qed tingħata attenzjoni veterinarja immedejata lil dawk l-annimali kollha li jkunu sfaw imweġġa fit- triq . L-appell tiegħi hu biex ma jsirx abbuż minn dan is-servizz li hu tant utli.