Showing posts with label cereali. Show all posts
Showing posts with label cereali. Show all posts

Aug 19, 2012

Cereali


Spiss erġajna qed nisimgħu dwar it-theddida reali ta’ kriżi fil-produzzjoni tal-ikel madwar id-dinja.  Din realta’ li hija misjuqa minn spekulazzjoni bla rażan tac-cereali kif ukoll minn fatturi naturali bħalma hija n-nixfa li laqtet lill-Istati Uniti.  Dawn ir-raġunijiet qed iwasslu għal prezzijiet li qatt ma rajna bħalhom fic-cereali li jieklu l-annimali bil-konsegwenza ta’ effetti devastanti tul il-produzzjoni kollha tal-ikel. 

Biżżejjed insemmi ftit numri impressjonanti.  Skont il-FAO, li hija l-organizzazzjoni tal-ikel tan-Nazzjonijiet Uniti, f’Lulju biss il-prezzijiet tal-ikel b’mod ġenerali telgħu b’6 fil-mija, l-ikbar żieda fl-aħħar tliet snin.  Bħala medja c-cereali għolew b’iktar minn 20 fil-mija. 

Din hija theddida li tolqotna mill-qrib, pero tolqot mill-qrib ħafna wkoll lil madwar biljun persuna li jgħixu mal-linja tal-faqar.  Dawk il-popolazzjonijiet f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, fejn in-nefqa fuq l-ikel tfisser mat-80 fil-mija tan-nefqa kollha tagħhom f’xahar.  Hu kkalkulat li jekk il-prezz tal-ikel jitla’ bi ftit ieħor u jmiss l-10 fil-mija ta’ żieda, mal-10 miljun ruħ mill-ewwel jispiccaw ibatu l-guħ.  

Hemm bzonn ta’ azzjonijiet konkreti.  Pajjiż bħal tagħna din id-daqqa jħossha aktar peress li aħna niddependu esklussivament mill-importazzjoni ta’ cereali biex nitimgħu l-bhejjem fl-irziezet ta’ pajjiżna.  Huwa għalhekk f’loku li għall-laqgha tal-Ministri tal-Agrikoltura ta’ 13-il pajjiz fil-Meditterran membri fl-organizazzjoni CIHEAM li se ssir Malta x-xahra id-dieħel għazilna s-sigurta’ tal-ikel fil-pajjizi tal-Mediterran bħala tema ewlenija.

Apr 21, 2011

Miljuni godda ta' foqra

Inħsadt jien u naqra l-previżonijiet tal-Bank Dinji dwar in-numru dejjem jikber ta’ nies li jgħixu fil-faqar fid-dinja. Il-Bank Dinji jistma li bħalissa fid-dinja hawn mal-1.2 biljun ruħ li jgħixu b’anqas minn €0.90 kuljum. Bil-prezzijiet tac-cereali u l-ikel f’livell ta’ madwar 36% aktar għoljin minn sena ilu, il-Bank Dinji jistma li fl-aħħar sena biss żdiedu mal-44 miljun ruħ li qed jgħixu fil-faqar.


U jekk dan mhux xenarju tal-biża’ biżżejjed, il-Bank Dinji qed jipprevedi li jekk il-prezzijiet tal-ikel jiżdiedu imqar b’10% oħra, mal-għaxar miljun ruħ oħra jispiċċaw huma wkoll jgħixu fil-faqar. Il-Bank Dinji qed jappella biex tingħata aktar priorita’ lill-produzzjoni tal-ikel biex tkun evitata kriżi umanitarja kbira. Il-prezzijiet tac-cereali u tal-ikel għadhom fl-istess livelli rekord tal-2008 u qed ikun issuġġerit li jitnaqqsu l-kontrolli fuq l-esportazzjoni f’postijiet li jipproduċu l-ikel filwaqt li jkun hemm aktar investimenti fl-agrikoltura.



Suġġerimenti oħrajn jinkludu investiment f’teknoloġiji ġodda, fosthom f’sistemi biex l-ikel isir aktar nutrittiv kif ukoll biex il-produzzjoni ta’ biofuels titwaqqaf meta l-prezz tal-ikel jaqbeż ċertu limiti.




Dan kollu ġiegħlni nirrifletti fuq kif aħbarjiet bħal dawn sfortunatament jispiċċaw jintilfu f’pajjiżna. Dan hu x-xenarju mondjali li bilfors iħalli impatt fuqna. Pero, kif jiġri spiss, f’Malta spiss nitkellmu daqs li kieku ngħixu f’bozza u mhux f’dinja. Mhux qed ngħid dan b’sens partiġġjan pero b’sens ta’ kritika kostruttiva għaliex din hija problema reali li qed tħalli l-effetti tagħha anke fuqna.

Jan 22, 2011

Ghaliex gholew l-prezzijiet ?

Illum attendejt zewg laqgħat importanti għall-Ministri tal-Agrikoltura f’Berlin. Fost it-temi diskussi kien il-prezz dejjem jiżdied taċ-ċereali, sigurta’ tal-ikel, kif ukoll il-provista adegwata tal-ikel. Meta tisma certi kelliema jitkellmu f’dawn il-laqghat bilfors tkompli tikkonferma s-superfiċjalita’ u l-irresponsabbilta’ tal-Oppożizzjoni f’Malta. Il-kelliema Laburisti jipruvaw jagħtu l-impressjoni li l-prezzijiet dejjem jiżdiedu taċ-ċereali, fost affarijiet oħra, huma xi ħaġa li tolqot lil Malta biss, jew li jistgħu jiġu evitati b’azzjoni tal-Gvern Malti.

Nissuġġerixxi lill-Kap tal-Oppożizzjoni, u lil kulħadd biex jaqraw bir-reqqa r-rapporti tal-laqgħat li saru f’Berlin u jixtarru l-messaġġi li twasslu mill-kelliema, b’mod partikolari tad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) Pascal Lamy, u tal-Ministru tal-Agrikoltura Franċiż, Bruno Le Maire. Fid-diskors tieghu Pascal Lamy qal li restrizzjonijiet fl-esportazzjoni u spekulazzjoni qed iwasslu għaż-żidiet fil-prezzijiet taċ-ċereali.

Lamy qal li għadu kif tħabbar mill-FAO, l-Organizzazzjoni tal-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti, li l-prezzijiet tal-ikel laħqu livelli rekord, li saħansitra jiżboq il-livelli gholjin li kienu ntlaħqu fl-2008. Lamy qal li wara l-kriżi finanzjarja ta’ sentejn ilu, issa d-dinja hi ffaċjata minn kriżi fis-settur tal-ikel li wkoll qed toħloq bosta inċertezzi, u toħloq tensjoni f’diversi pajjiżi u reġjuni. Il-Ministru Franciz, Le Maire, irriafferma dawn l-argumenti u saħaq fuq il-ħtieġa li din il-problema tiġi indirizzata bis-serjeta’ li tistħoqqilha qabel ma jkun tard wisq.

Waqt li qed nisma dawn l-argumenti, ma stajtx ma ninnutax id-differenza ta’ kif dawn l-argumenti jiġu trattati mill-Oppozizzjoni Maltija. Fil-ferneżija ta’ opportuniżmu politiku, l-Oppożizzjoni tagħmel argumenti mill-aktar superfiċjali li ma jikkunsidrawx l-għeruq ta’ dawn il-problemi. Bilkemm ma tasalx temmen li hija b’deċiżjoni tal-Gvern Malti li għola d-dqiq, jew il-ġwież li jieklu l-annimali tagħna ! Nappella lill-Oppożizzjoni biex b’sens ta’ responsabbilta’ tagħti l-istampa sħiħa lill-poplu tagħna u dan lil hinn mill-opportuniżmu politiku li jikkaratterizza l-pożizzjonijiet li jieħu l-Partit Laburista u l-media tieghu.