Illum attendejt zewg laqgħat importanti għall-Ministri tal-Agrikoltura f’Berlin. Fost it-temi diskussi kien il-prezz dejjem jiżdied taċ-ċereali, sigurta’ tal-ikel, kif ukoll il-provista adegwata tal-ikel. Meta tisma certi kelliema jitkellmu f’dawn il-laqghat bilfors tkompli tikkonferma s-superfiċjalita’ u l-irresponsabbilta’ tal-Oppożizzjoni f’Malta. Il-kelliema Laburisti jipruvaw jagħtu l-impressjoni li l-prezzijiet dejjem jiżdiedu taċ-ċereali, fost affarijiet oħra, huma xi ħaġa li tolqot lil Malta biss, jew li jistgħu jiġu evitati b’azzjoni tal-Gvern Malti.
Nissuġġerixxi lill-Kap tal-Oppożizzjoni, u lil kulħadd biex jaqraw bir-reqqa r-rapporti tal-laqgħat li saru f’Berlin u jixtarru l-messaġġi li twasslu mill-kelliema, b’mod partikolari tad-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) Pascal Lamy, u tal-Ministru tal-Agrikoltura Franċiż, Bruno Le Maire. Fid-diskors tieghu Pascal Lamy qal li restrizzjonijiet fl-esportazzjoni u spekulazzjoni qed iwasslu għaż-żidiet fil-prezzijiet taċ-ċereali.
Lamy qal li għadu kif tħabbar mill-FAO, l-Organizzazzjoni tal-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti, li l-prezzijiet tal-ikel laħqu livelli rekord, li saħansitra jiżboq il-livelli gholjin li kienu ntlaħqu fl-2008. Lamy qal li wara l-kriżi finanzjarja ta’ sentejn ilu, issa d-dinja hi ffaċjata minn kriżi fis-settur tal-ikel li wkoll qed toħloq bosta inċertezzi, u toħloq tensjoni f’diversi pajjiżi u reġjuni. Il-Ministru Franciz, Le Maire, irriafferma dawn l-argumenti u saħaq fuq il-ħtieġa li din il-problema tiġi indirizzata bis-serjeta’ li tistħoqqilha qabel ma jkun tard wisq.
Waqt li qed nisma dawn l-argumenti, ma stajtx ma ninnutax id-differenza ta’ kif dawn l-argumenti jiġu trattati mill-Oppozizzjoni Maltija. Fil-ferneżija ta’ opportuniżmu politiku, l-Oppożizzjoni tagħmel argumenti mill-aktar superfiċjali li ma jikkunsidrawx l-għeruq ta’ dawn il-problemi. Bilkemm ma tasalx temmen li hija b’deċiżjoni tal-Gvern Malti li għola d-dqiq, jew il-ġwież li jieklu l-annimali tagħna ! Nappella lill-Oppożizzjoni biex b’sens ta’ responsabbilta’ tagħti l-istampa sħiħa lill-poplu tagħna u dan lil hinn mill-opportuniżmu politiku li jikkaratterizza l-pożizzjonijiet li jieħu l-Partit Laburista u l-media tieghu.
No comments:
Post a Comment