Showing posts with label tigieg. Show all posts
Showing posts with label tigieg. Show all posts

Jan 14, 2012

Enriched cages

Meta nitkellmu dwar animal welfare, ma nirreferux biss għall-annimali li jinżammu bħala pets izda anke għall-annimali li jinżammu għall-produzzjoni tal-ikel. Il-bierah stajt nara l-progress kbir li qed isir fis-settur tat-tiġieġ li jiproduċu l-bajd f’pajjiżna, waqt żjara għand wieħed mill-ikbar raħħala f’Ħaż Żebbuġ. Dan qed iwassal sabiex mhux biss it-tiġieġ jgħixu f’ambjent aħjar anke billi jkollhom aktar spazju adegwat iżda fuq kollox il-konsumatur jieħu prodott ta’ kwalita’ aħjar.

Illum l-irziezet ta’ pajjiżna li jrabbu t-tiġieġ għall-bajd kollha laħqu l-istandards ġodda ewropej u kollha ghandhom gageg li jissejħu enriched cages. Malta hija fost il-pajjiżi Ewropej l-aktar avvanzati f’dawn l-iżviluppi ta’ titjib u f’dawn il-jiem l-informazzjoni kollha rilevanti qegħda tasal għand l-Unjoni Ewropea biex nifformalizzaw il-konformita’ tal-irziezet tagħna.

B’għajnuniet li jlaħħqu kważi tliet miljun ewro minn fondi Ewropej, u b’investiment addizzjonali privat ta’ madwar erba’ miljun u nofs Ewro, ir-raħħala tagħna ġew konformi mar-regoli ġodda fil-ħin stipulat. Illum it-tiġieġ għandhom spazju d-doppju ta’ dak li kellhom qabel filwaqt li għandhom ukoll bejta u passiġġiera, fost l-oħrajn. Bl-introduzzjoni ta’ standards ogħla wieħed diġa seta’ jinnota inqas mortalita’, aktar produzzjoni ta’ bajd u anke aktar effiċjenza mill-annimali.

F’bosta pajjiżi Ewropej dawn it-tibdiliet għadhom ma tlestewx. Dan l-investiment fil-produzzjoni tal-ikel frisk huwa raġuni oħra għalfejn il-konsumatur għandu jkompli jkabbar il-fiduċja tiegħu fil-prodott frisk lokali. Huwa wkoll l-aħjar mod kif nuru l-fiduċja tagħna fir-raħħala u l-bdiewa li mhux joqogħdu lura milli jinvestu. Sadanittant il-bajd li se jidħol f’pajjiżna minn irziezet li mhumiex konformi l-Unjoni Ewropea, taħt it-tmexxija tal-Kummissarju Ewropew, John Dalli, se tibda tieħu azzjoni kontrihom, anke billi tagħti d-dritt lill-pajjiż jiddistruġġi dak il-bajd. Miżuri bħal dawn jipproteġu mhux biss lill-konsumatur minn prodott inferjuri iżda fuq kollox jimbotta lill-operaturi ewropej li għadhom mhux konformi jiġu konformi.

Feb 25, 2011

Garanzija ta' kwalita'

L-UE fl-2004 kienet stabbilit li l-qisien tal-gageg tat-tigieg tal-bajd tal-farms tal-pajjizi li kienu ghadhom kemm issiehbu kellhom sal-ahhar tal-2011 biex jigu konformi mal-standards ewropej. L-UE kienet hadet dik id-decizzjoni mhux biss ghal ragunijiet ta’ animal welfare imma anke minhabba l-kwalita’ tal-laham. Huwa fatt li t-tigieg kienu jkunu ffullati wisq fil-gazez u dan kien iwassal ukoll ghal aktar mard fost it-tigieg, u allura kien ikun hemm kwalita’ inferjuri fil-kwalita’ tal-bajd li jikkonsma l-konsumatur.

Issa waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Biedja, li attendejt din il-ġimgħa, kellna Kunsill kellu talba mill-Gvern Pollakk biex din id-data tigi estiza. Pajjiżna diġa ħa l-passi neċessarji biex is-settur jiġi konformi ma’ din id-Direttiva u dan sar bi sforz kollettiv li kien jirrikjedi investiment u tibdil fil-prattiċi wżati mill-produtturi. Ghaldaqstant konna kontra din l-estensjoni, ghal tlett ragunijiet. Qabel xejn biex niprotegu l-interessi tal-konsumatur, it-tieni biex ma npoggux lill-produttur lokali fi zvantagg fil-konfront tal-produtturi tat-tigieg barranin, u t-tielet ghal ragunijiet ta’ animal welfare.

Irrid li din il-bidla ma kenitx wahda faċli iżda bl-impenn ta’ kulħadd illum wasalna biex għandna settur aktar organizzat u regolat. Dan ma kienx l-uniku żvilupp fit-titjib tal-kwalita’ f’dan is-settur. Illum il-konsumatur għandu garanzija ta’ traċċabilita’ fuq kull bajda li jixtri, tant li produttur huwa obbligat li jittimbra kull bajda li tinħareġ għall-konsum tas-suq lokali. Dak it-timbru huwa l-karta tal-identita’ ta’ dik il-bajda u huwa wkoll il-garanzija tal-kwalita’ tal-konsumatur. Dan minbarra investiment massiċċ fl-irziezet inkluż f’faċilitajiet ta’ mmaniġġjar tad-demel kif ukoll fi strutturi oħrajn anċillari bħalma huma l-biċċeriji li fihom jinqatlu t-tiġieġ.

Għaddej ukoll programm sħiħ biex jiġu ittestjati t-tiġieġ u l-bajd, u l-ġwież tal-annimali għas-salmonella fejn saru 412 testijiet li jkopru rziezet tat-tiġieġ tal-laham u 670 testijiet li jkopru rziezet tat-tiġieġ tal-bajd. Il-kwalita’ tal-ikel hija marbuta intrinsikament mal-animal welfare. Dan narawh iseħħ fis-setturi kollha tal-animali bħal fil-każ ta’ baqar u majjali. Annimali b’saħħithom jiproducu aktar u jagħtu prodott itjeb.