Showing posts with label xogħol. Show all posts
Showing posts with label xogħol. Show all posts

Aug 23, 2012

Holqien ta' impjiegi


Ftit tal-ġranet ilu, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (l-NSO) ippubblika ċ-ċifri dwar kemm kien hawn nies jaħdmu full time f'Marzu li għadda. Dawn iċ-ċifri komplew jikkonfermaw li issa f'Malta għall-ewwel darba hawn aktar minn 150,000 ħaddiem jaħdmu full time, eżattament 150,400.
 
Din hi żieda ta' 2,500 fl-impjiegi full time fl-aħħar sena li minnhom, 2,300 żdiedu f'impjiegi produttivi mal-privat biex il-privat f'Malta issa qed iħaddem 109,600, jew tliet-kwarti tal-ħaddiema kollha. Żdiedu l-impjiegi full-time fl-oqsma tar-ristoranti, id-divertiment u l-kultura, il-manifattura tal-farmaċewtika, it-trasport, l-ipprogrammar u l-konsulenza dwar il-compjuters, l-accountancy u l-konsulenza tal-management, is-saħħa u l-edukazzjoni.
 
Dan hu t-tip ta' xogħol ġdid u modern li qed toħloq l-ekonomija tagħna grazzi għat-tmexxija ta' Lawrence Gonzi li żamm il-pajjiż miexi tajjeb minkejja kriżi wara l-oħra barra minn Malta; kuntrast kbir mal-korpi militari ta' 25 sena ilu. U mhux biss. Il-kuntrast fin-numri hu enormi. Fl-1987 f'Malta kien hawn jaħdmu mal-gvern 55,000 ruħ waqt li llum hawn 41,000 mal-gvern – tnaqqis qawwi fl-aħħar 25 sena. U waqt li llum hawn 109,600 mal-privat, din hi żieda kbira ta' 70% fuq il-65,000 li kien hawn jaħdmu mal-privat 25 sena ilu.
 
Gvernijiet Nazzjonalisti dejjem ħolqu x-xogħol; mhux xogħol fil-korpi imma xogħol produttiv li jagħti dinjita' lill-ħaddiema u li jixhed l-ekonomija vibranti u dinamika li għandna llum misjuqa mill-inizjattiva privata li ma tħaddimx in-nies biex tagħmel pjaċir lil xi ħadd imma li qed tħaddem rekord ta' nies illum għax hawn ix-xogħol. Dan ma jfissirx li kulħadd għandu l-impjieg li jixtieq. Hemm persuni li huma bla impjieg u rridu nibqgħu determinati li ntejbu l-klima ekonomika biex dawn ukoll isibu x-xogħol li jagħtihom l-akbar sodisfazzjon.

May 1, 2012

Ħsibijieti f'Jum il-Ħaddiem


Ħsibijieti llum f’Jum il-Ħaddiem imorru ma’ dawk l-individwi li jinsabu bla xogħol. Ma’ kull jum li jisbaħ tikber id-dieqa u disperazzjoni ta’ dik il-persuna bla xogħol.  Naf għax sfortunatament rajt persuni fil-familja tiegħi jgħaddu minn din l-esperjenza.  Ir-rata tal-qgħad f’pajjiżna skond il-Labour Force Survey hija ta’ 6.6%. L-impenn tiegħi u ta’ sħabi jibqa dak li nikrejaw klima ekonomika li mhux biss tassigura l-impjiegi li għandna iżda tiġġenera impjiegi ġodda.  Mhux facli f’dinja li għaddejja mill-aghar kriżi ekonomika tagħha wara l-Great Depression ta’ qabel it-Tieni Gwerra Dinjija.  Iżda ir-riżultati li qsibna s’issa jagħtu ammont qawwi ta’ sodisfazzjon.  Ikkrejajna 20,000 impjieg ġdid fl-aħħar 4 snin, inkluż xogħol għal ħafna nisa.


Il-bieraħ l-ILO (International Labour Organization) ħarġet ir-rapport tagħha u c-cifri li tindika fuq il-qagħda tax-xogħol fid-dinja huma verament preokkupanti.  Ftit ‘l bogħod minn fl-Italja bħalissa hemm l-għola rata ta’ qghad li qatt kellhom.  Ir-rata issa laħqet l-10%, iġifieri ‘l fuq minn 2.1 miljun persuna ifittxu x-xogħol. Fil-każ taż-żgħażagħ is-sitwazzjoni hija ferm agħar.  Wieħed minn kull tlett żgħażagħ Taljani jinsab bla xogħol.  Fi Spanja s-sitwazzjoni hija ferm u ferm agħar.  Ir-rata tal-qgħad telgħet ‘l fuq minn 24%.  5.6 Miljun persuni bla impjieg. Minn kull żewġ żgħażagħ wieħed huwa bla xogħol !!!


L-ILO ssemmi fuq kollox is-sitwazzjoni allarmanti ta’ dawk imsejjha NEET (Not in Education, Employment or Training) dawk li la jistudjaw, la jaħdmu u lanqas qegħdin jieħdu xi forma ta’ taħriġ.  L-ILO tisħaq li hemm bżonn ta’ investimenti akbar fit-taħriġ tal-persuni bla impjieg.  Anke hawn pajjiżna diġa ħa inizzjattivi posittivi, fejn saħansitra ppromovejna taħriġ lil persuni li diġa qed jaħdmu b’paga minima imma li jixtiequ jitħarġu ħalli jsibu mpjieg aħjar.


Fir-rapport tagħha l-ILO tgħid li l-miżuri ta’ awsterita’ li ħadu dan l-aħħar ħafna gvernijiet qed jirriskjaw “li jżiedu ic-ciklu ta’ ricessjoni u li jdewmu aktar il-qawmien ekonomiku u it-tisħiħ finanzjarju” għax qed jonqos il-konsum privat. Dan huwa riżultat tal-fatt li l-pagi qed jiżdiedu b’rata anqas miż-żieda fl-inflazzjoni f’bosta pajjiżi”. Il-priorita’ skond l-ILO hija li “jinsab bilanc sostenibbli t-tisħiħ fimnanzjarju u t-tkattir tal-impjiegi”.  Ovvjament din tibqa l-akbar sfida.