
Ma nistax ma nikkummentax kif għall-Partit Laburista l-arloġġ qisu waqaf għal qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2008. Elezzjoni li wasslet għat-tielet telfa elettorali konsekuttiva għall-Partit Laburista, tmexxija ġdida, elezzjoni ta’ mexxej ġdid li tela’ bl-għajta li se jwettaq terrimot, rapport tat-telfa li tefa’ ħtija sostanzjali għat-telfa fuq il-mezzi tax-xandir Laburista u llum aktar minn sena wara qed nerġgħu ngħixu l-istess episodji.
Jien ma nistax nifhem lill-Partit Laburista. Jagħmel snin jattakka personalment lill-Prim Ministru Gonzi, juża kull aġġettiv biex jipprova jirredikolah, jivvinta qlajjiet bħalma hi li se jintalab ħlas fuq servizzi tas-saħħa, tiġi elezzjoni, jitlifha – u jerġa jirrepeti l-istess strateġija. Sensiela ta’ billboards li sa’ issa għadhom ma qalu xejn dwar l-Ewropa, minkejja n-natura ta’ dawn l-elezzjonijiet, izda mohhom biss biex jivvintaw u minkejja ċ-ċaħdiet jibqgħu jiġu ripetuti.
Forsi din ukoll hija strateġija bbażata fuq public perception surveys, kif qalilna Leo Brincat. Żgur li hija kampanja elettorali li toħroġ l-aqwa element tal-Partit Laburista. Dak tal-opportuniżmu li jipprova jieħu vantaġġ minn kollox, l-aqwa li jirbaħ.