Jul 8, 2010

L-eċċess hu dejjem ħażin

It-terminu ‘skjavi tat-teknoloġija’ spiss nisimgħuh jintuża, pero żgur li każ li seħħ fl-Italja f’dawb l-ġranet jagħti dimensjoni ġdida lil dan il-fenomenu. Fil-fatt laqatni rapport li deher fil-media Taljana dwar żagħżugħ ta’ sittax-il sena li spiċċa rikoverat fis-Sala tal-Psikjatrija ta’ sptar vicin Genova minħabba dik li qed tissejjaħ dipendenza totali fuq il-kompjuter.

Jirriżulta li dan iż-żagħżugħ ilu diversi xhur juri sintomi kemmxejn inkwetanti li issa ġie stabbilit li huma konsegwenza tad-dipendenza tiegħu li jqatta’ siegħat sħaħ quddiem il-kompjuter mehdi fil-logħob elettroniku. Mingħajr ebda esaġerazzjoni, kellhom jidħlu nies mill-Armata biex fl-aħħar qalgħu lil dan iż-żagħżugħ minn quddiem il-kompjuter wara li kienu fallew bosta tentattivi oħra tal-familjari tiegħu, ta' psikjatra u tal-pulizija.

Dan hu episodju li għandu jġiegħlna naħsbu. Veru li hu każ anomalu, kif spjegaw it-tobba li qed isegwu l-każ ta’ dan iż-żagħżugħ, pero huwa veru wkoll li dan hu fatt li qed narawh iseħħ spiss. Aktar u aktar tfal u żgħażagħ qed jippreferu s-solitudni ta’ kamrithom, mehdijin f’siegħat sħaħ fuq il-kompjuters milli l-beraħ u l-kumpanija ta’ sħabhom.

Il-progress u l-iżvilupp fit-teknoloġija huma bżonnjużi u neċessarji u għandna nilqgħuhom b’idejna miftuħin. Pero, bħal dejjem, l-eċċess huwa hażin u għandu jsir kull sforz biex jibqa’ jinżamm bilanċ f’dak kollu li nagħmlu.

No comments: