Il-proġett hu wieħed interessanti ħafna mill-aspett ta’ disinn. Minkejja li qiegħed fi spazju rektangulari mill-4 irkejjen tal-ġnien ma jirnexxilekx taqra l-ispazju f’daqqa. Id-disinn joħloq sens ta’ sorpriża anke b’livell differenti. Qed nagħmlu l-almu kollu tagħna biex il-proġetti kollha li nagħmlu ikunu ta’ kwalita’. M’aħniex kuntenti b’sempliċiment pavimentar, ħwat u siġar iżda l-proġetti li qed nibnu qed joffru esperjenza unika lil min jużhom.
Dan il-ġnien jokkupa spazju ta’ madwar 1,800 metru kwadru u jwaslek permezz ta’ rampa komda għaz-zuntier tal-knisja Santa Marija tal-Anġli. Bħall-proġetti kollha l-oħra assigurajna li jkun hemm aċċessibilta’ totali f’kull parti tal-ġnien. Ix-xogħlijiet f’dan il-ġnien ġdid involvu tqegħid ta’ pavimentar, arbli tad-dawl, bankijiet, installazzjoni ta’ funtana u area tal-logħob għat-tfal. Taħt dan il-ġnien inbena wkoll ġibjun li jesa’ mal-500 metru kubu ta’ ilma, b’hekk l-ilma li se jintuża għat-tisqija tal-ġnien ikun jista’ jittieħed minn hawn. F’dan il-ġnien bħal postijiet pubbliċi li qed niftħu se jkollu wkoll l-aċċess għall-wi-fi. L-esperjenza urietna kemm il-pubbliku juża dan is-servizz.
Sar b’investiment ta’ €450,000 mill-Gvern Ċentrali bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar li ffinanzja l-play equipment, li qam mal-€35,000. Irrid nirringrazzja wkoll lill-Kumitat Amministrattiv ta’ Baħar iċ-Ċagħaq li miegħu ddiskutejna dan il-proġett. Il-Ġnien ta’ Baħar iċ-Ċagħaq jingħaqad mal-15-il proġett ta’ spazju miftuħ li tajna lin-nies f’dawn l-aħħar erba’ snin.
No comments:
Post a Comment