Feb 13, 2012

Il-konsulent

Fl-aħħar jumejn smajna bl-aħbar ‘sensazzjonali’ dwar konsulent imqabbad mill-Ministeru tiegħi. Sejjaħtilha sensazzjonali għax din ma kienet xejn għajr rapport dwar tweġiba parlamentari li jien tajt il-ġimgħa li ghaddiet. Daqshekk kelli x’naħbi dwar dan l-ingaġġ.

Il-fatti huma li l-Perit Arthur Apap ingħata ngaġġ temporanju ta’ 4 xhur biex ikun jista jibda jopera l-Ufficcju ghar-Regolament tal-Bini. Dan l-Ufficcju setgħa jibda jopera wara li l-ligi dwar ir-regolamenti tal-bini għaddiet mill-Parlament. Dan l-Ufficcju irid jimplimenta r-regolamenti li jħarsu fost affarijiet ohra d-drittijiet tal-ġirien u ta’ terzi waqt li jkun qed isir xogħol ta’ bini, kif ukoll ħidma ffukata dwar il-klassifikazzjoni tal-kuntratturi. Il-Ministeru ta dan il-kuntratt temporanju għall-fatt li hemm bżonn li dan l-Ufficcju jibda jopera mingħajr dewmien sakemm jintemm il-process tal-għazla ta’ persuna oħra li tkun appuntata b’mod permanenti. M'għandix dubju illi kieku ma daħħalniex lil xi ħadd malajr kienu jikritikawna li qed inkaxkru saqajna.

Li ma tgħidx l-aħbar li xxandret il-bieraħ hu li dan l-ingaġġ sar skont il-proċeduri stabbiliti u bl-approvazzjonijiet neccessarji nkluż tas-Segretarju Permanenti Principali fl-OPM. Matul il-perjodu temporanju li l-Perit Apap ingħata dan l-ingaġġ hu jrid jieqaf kompletament milli jipprattika l-professjoni tiegħu. Barra minnhekk, dan l-ingaġġ temporanju jorbot lill-impjegat li jagħti minn tal-inqas 8 siegħat kuljum ta’ xogħol mingħajr id-dritt ta’ ħlas addizzjonali għall-overtime.

No comments: