Feb 10, 2012

Gid komuni vs interessi tal-ftit

Il-Gvern Ċentrali, permezz tal-Ministeru tiegħi, lesta d-disinji biex fl-aktar post centrali ta’ San Gwann eżatt faċċata tal-Knisja Parrokjali jagħmel centru civiku u ġnien pubbliku isbaħ u akbar minn dak li hemm illum. Dan it-tisbieħ ser jinkludi li l-monument lil Karin Grech jitpoġġa f’post aktar prominenti fl-istess ġnien u jiżżejjen aħjar kif jixraqlu. San Ġwann huwa raħal dejjem jikber b’poplazzjoni qawwija ta’ familji bi tfal. Kien għalhekk li ħsibna biex nagħmlu dan il-proġett orjentat l-aktar għalihom. Sa llum l-parti l-kbira mill-art hija okkupata minn pitch tal-bocci. Biex nagħmlu l-proġett tagħna ovvjament se jkollna nirrilokaw din l-attivita’ f’post ieħor, imma għal dan diġa ħsibna u fil-fatt sibna post alternattiv f’San Ġwann stess. Ovvjament aħna nipreferu li din l-art tintuża aħjar u aktar mill-parti l-kbira tal-komunita’ aktar milli tintuża mill-ftit li jiprattikaw dan l-isport.


Bħala Gvern Ċentrali ħsibna li nitkellmu mill-ewwel mal-Kunsill Lokali li ngħata preżentazzjoni u wara ntalab li jiddiskutih u jiddeċiedi fuq il-proposta tal-Gvern. Kont sorpriż mhux ftit meta nfurmawni li l-proġett għandu l-appoġġ tal-Kunsill Lokali, pero l-Kunsillieri Laburisti qed jopponu l-proġett. Kont sorpriz aktar meta qaluli li r-raġuni tal-oppożizzjoni hi r-rilokazzjoni tal-pitch tal-boċċi. Qalu li l-Gvern kellu jġib il-kunsens tal-klabb tal-bocci qabel jiprocedi. Issa filwaqt li nifhem li l-Gvern għandu jitkellem mal-klabb tal-bocci, definittivament ma nemminx li l-Gvern għandu jkun ikkundizzjonat mill-posizzjoni tal-klabb. Kemm il-Gvern Centrali kif ukoll Gvern Lokali għandu jiddeciedi skond il-ġid komuni tal-ħafna.



Għalija dan hu każ li jikkonferma kif xi wħud mill-Partit Laburista jaħsbu. Għalihom il-ġid komuni jiġi sekondarju biex jiproteġu l-interessi tal-ftit. L-interess tal-ftit jiġi ferm qabel l-interess ta’ komunita’ sħiħa. Għalihom il-ftit li jilagħbu l-boċċi huma ferm aktar importanti mill-ħafna li se jkunu qed jużaw iċ-ċentru ċiviku u l-ġnien akbar imsebbaħ. Nispera biss li ma ħadux din il-posizzjoni sempliciment għax l-idea ġiet minn Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista.

No comments: