Showing posts with label Indipendenza. Show all posts
Showing posts with label Indipendenza. Show all posts

Sep 21, 2012

48 sena nazzjon indipendenti


L-anniversarju tal-Indipendenza ta’ pajjiżna huwa okkażżjoni ta’ ċelebrazzjoni.  Hekk jiġri mhux biss f’Malta imma f’kull pajjiż sovran ċivilizzat fejn il-popli jiċċelebraw  il-ġurnata ta’ meta ħadu rajhom f’idejhom.  Malta qed tagħlaq 48 sena Indipendenti.  Bla ebda dubju din kienet l-akbar bidla li qatt saret f’pajjiżna, mhux biss mill-aspett istituzzjonali, imma anke mill-aspett ta’ attitudni ta’ poplu, għax għall-ewwel darba ridna nibdew naħsbu u naġixxu ta’ poplu li jrid jaqdef għal rasu. Minn dakinhar pajjiżna nbidel f’pajjiż modern, b’ekonomija ħielsa u membru tal-Unjoni Ewropea.  Kienet definittivament għażla għaqlija. 
 
Dan ma seħħx b’kumbinazzjoni.  Seħħ kawża ta’ snin twal ta’ politika għaqlija, f’ħafna każi deċiżjonijiet meħuda taħt amministrazzjonijiet differenti mmexxija mill-Partit Nazzjonalista.  Mhux dejjem il-poplu Malti kellu serħan il-moħħ.  Pajjiżna għadda wkoll minn mumenti difficli fl-istorja politika tiegħu. Fis-snin sebgħin u l-bidu tat-tmeninijiet d-demokrazija f’pajjiżna għaddiet minn test qawwi, meta kienet ffacjata mill-politika oppressiva minn gvern li kien anke saħansitra l-vjolenza bħala arma politika. Ma rridux ninsew li ħamsa minn dawn it-48 sena indipendenti għexnihom taħt Gvern li mexxa bla ma kellu maġġoranza.  F’dak l-istat kien spiċċa pajjiżna.  
 
Pero llum pajjiżna jista’ jiftaħar li huwa pajjiż imsieħeb fl-Unjoni Ewropea, b’ekonomija ħielsa, fejn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-poplu huma rispettati u mħarsa, u b’demokrazija b’saħħitha.  Saħansitra għaddejna minn esperjenza għall-ewwel darba fejn il-President ta’ Malta ntagħżel mill-partit oppost għal dak fil-gvern.  Eżempju ta’ maturita’ u politika ġdida.  
 
Waqt li Malta qed tiċċelebra it-48 anniversarju mill-Indipendenza nistgħu nkomplu nħarsu ‘l quddiem b’fiduċja.  Pajjiżna jrid ikompli jitmexxa b’għaqal speċjalment f’mumenti ta’ taqlib ekonomiku mondjali li qajla rajna bħalu.  Irridu nkomplu nbiddlu fejn għandna bżonn inbiddlu b’għaqal. Jeħtieġ nkomplu  ninvestu fl-edukazzjoni li trid tibqa l-magna principali għall-iżvilupp tagħna bħala nazzjon sovran.  Irridu nfittxu wkoll kif se nisfruttaw dejjem aktar is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea biex nikkonsolidaw l-identita’ unika tagħna f’dinja aktar miftuħa u aktar pluralista. Biex insiru aktar Maltin u aktar Ewropej. L-Indipendenza ta’ pajjiżna ma naprezzawhiex f’iżolament imma f’komunita’ ta’ popli b’identitajiet u aspirazzjonijiet differenti.

Oct 29, 2010

Tislima lil Borg Olivier

Bħal llum tletin sena ilu, Malta tilfet wiehed mill-aqwa statisti u mexxejja politici taghha: George Borg Olivier, missier Malta Indipendenti. Borg Olivier kien beda bhala kap tal-Partit Nazzjonalista fl-1950, hekk kif miet Dr.Nerik Mizzi. Serva wkoll bħala Prim Ministru u anke Kap tal-Oppożizzjoni. Bħala Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż stinka bis-shih halli pajjizna jaghzel it-triq tal-indipendenza politika. Ma kienx facli tikkonvinci l-poplu li din kienet l-ahjar triq wara snin shah ta’ dipendenza fuq tmexxija barranija. Izda ma qatax qalbu, kompla jaqdef kontra l-kurrent u wara li nnegozja Kostituzzjoni gdida rebah ir-referendum ghall-Indipendenza.

Bil-fatti wera kif hu, u l-Partit Nazzjonalista, kellhom fiduċja li l-poplu tagħna seta’ jimxi triq gdida u jibni ekonomija li bil-mod il-mod tinfatam minn dipendenza ta’ stat bazi militari. Il-fiduċja hija element konsistenti fit-tmexxija ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti suċċessivi. L-indipendenza, it-tishih tad-demokrazija, is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, is-sħubija ta’ Malta fil-munita komuni Ewropea – kollha għandhom element komuni: il-fiduċja li l-PN għandu fil-kapacitajiet tal-poplu Malti.

Iż-żmien ta raġun lil Borg Olivier, l-istess kif ta lill-mexxejja ta’ warajh li wkoll għamlu deċiżjonijiet ibbażati fuq il-fiduċja. Fiduċja li hija reċiprokata minn poplu grat li llum jagħraf l-għaqal ta’ dawk id-deċiżjonijiet. Borg Olivier ħejja l-pedament u l-mexxejja ta’ warajh għarfu jkomplu jibnu u jsawwru l-identita’ ta’ poplu u dak kollu li ghandna llum. Ta’ dan kollu nsellmulu.