L-anniversarju
tal-Indipendenza ta’ pajjiżna huwa okkażżjoni ta’ ċelebrazzjoni. Hekk jiġri mhux biss f’Malta imma f’kull
pajjiż sovran ċivilizzat fejn il-popli jiċċelebraw il-ġurnata ta’ meta ħadu rajhom
f’idejhom. Malta qed tagħlaq 48 sena
Indipendenti. Bla ebda dubju din kienet
l-akbar bidla li qatt saret f’pajjiżna, mhux biss mill-aspett istituzzjonali,
imma anke mill-aspett ta’ attitudni ta’ poplu, għax għall-ewwel darba ridna
nibdew naħsbu u naġixxu ta’ poplu li jrid jaqdef għal rasu. Minn dakinhar pajjiżna
nbidel f’pajjiż modern, b’ekonomija ħielsa u membru tal-Unjoni Ewropea. Kienet definittivament għażla għaqlija.
Dan ma seħħx
b’kumbinazzjoni. Seħħ kawża ta’ snin
twal ta’ politika għaqlija, f’ħafna każi deċiżjonijiet meħuda taħt
amministrazzjonijiet differenti mmexxija mill-Partit Nazzjonalista. Mhux dejjem il-poplu Malti kellu serħan
il-moħħ. Pajjiżna għadda wkoll minn
mumenti difficli fl-istorja politika tiegħu. Fis-snin sebgħin u l-bidu
tat-tmeninijiet d-demokrazija f’pajjiżna għaddiet minn test qawwi, meta kienet
ffacjata mill-politika oppressiva minn gvern li kien anke saħansitra l-vjolenza
bħala arma politika. Ma rridux ninsew li ħamsa minn dawn it-48 sena
indipendenti għexnihom taħt Gvern li mexxa bla ma kellu maġġoranza. F’dak l-istat kien spiċċa pajjiżna.
Pero llum pajjiżna jista’
jiftaħar li huwa pajjiż imsieħeb fl-Unjoni Ewropea, b’ekonomija ħielsa, fejn id-drittijiet
u l-libertajiet fundamentali tal-poplu huma rispettati u mħarsa, u b’demokrazija
b’saħħitha. Saħansitra għaddejna minn
esperjenza għall-ewwel darba fejn il-President ta’ Malta ntagħżel mill-partit
oppost għal dak fil-gvern. Eżempju ta’
maturita’ u politika ġdida.
Waqt li Malta qed tiċċelebra
it-48 anniversarju mill-Indipendenza nistgħu nkomplu nħarsu ‘l quddiem
b’fiduċja. Pajjiżna jrid ikompli
jitmexxa b’għaqal speċjalment f’mumenti ta’ taqlib ekonomiku mondjali li qajla
rajna bħalu. Irridu nkomplu nbiddlu fejn
għandna bżonn inbiddlu b’għaqal. Jeħtieġ nkomplu ninvestu fl-edukazzjoni li trid tibqa l-magna
principali għall-iżvilupp tagħna bħala nazzjon sovran. Irridu nfittxu wkoll kif se nisfruttaw dejjem
aktar is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea biex nikkonsolidaw l-identita’ unika
tagħna f’dinja aktar miftuħa u aktar pluralista. Biex insiru aktar Maltin u
aktar Ewropej. L-Indipendenza ta’ pajjiżna ma naprezzawhiex f’iżolament imma f’komunita’
ta’ popli b’identitajiet u aspirazzjonijiet differenti.
No comments:
Post a Comment