Showing posts with label Kostituzzjoni. Show all posts
Showing posts with label Kostituzzjoni. Show all posts

Dec 14, 2011

Ħtieġa li naġġornaw il-Kostituzzjoni

Il-bieraħ il-President ta' Malta waqt ic-cerimonja annwali ta’ Jum ir-Repubblika għamel referenza ghall-ħtieġa ta’ emendi fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Kif qal tajjeb il-President, Dr.George Abela, għalkemm il-Kostituzzjoni ta' pajjiżna servietna tajjeb għal kważi kważi nofs seklu, wasal iż-żmien li din tiġi aġġornata. Kellna l-ewwel il-Kostituzzjoni li stabbiliet pajjiżna ndipendenti, imbagħad kellna dik tal-1974 li stabbiliet Malta bħala repubblika. Kif nafu bażikament mill-1974 ‘l hawn l-uniku emendi li saru kienu dawk marbuta mas-sistema elettorali biex tiġi assikurat li ma jkollniex riżultat skerz kif kellna fl-1981 u l-emendi li jirreferixxu ghan-newtralita’ ta’ pajjiżna. Hemm bżonn aġġornament biex il-Kostituzzjoni - li hija r-ruħ ta’ kull soċjeta' - tkun tirrifletti verament dak li s-soċjeta' tagħna hi llum.

Huwa pożittiv li ż-żewġ partiti politiċi prinċipali qed jaqblu li hemm bżonn li l-Kostituzzjoni tagħna tiġi aġġornata. L-isfortuna hija li l-Opposizzjoni kienet iddecidiet li ma tkompliex tippartecipa fil-Kumitat Magħżul tal-Kamra li kien ingħata r-responsabilita’ li jiddiskuti emendi għall-Kostituzzjoni. Issa mill-paroli hemm bżonn immorru għall-azzjoni biex infaslu dawn l-emendi. It-tliet alternattivi li semma l-President tar-Repubblika ta’ kif jista’ jsir il-process tat-tibdil jeħtieġ jiġu mixtarra u ssir għażla halli jibda l-process. Naqbel li fi process bħal dan ikun involut mhux biss il-Parlament, iżda anke s-soċjeta' ċivili.

Is-socjeta’ ta’ llum hija soċjeta’ totalment differenti mill-1974 meta sar l-aħħar aġġornament sostanzjali tal-Kostituzzjoni tagħna. Għandna pajjiż b’bosta strutturi ta’ kontroll fuq l-operat tal-Eżekuttiv bħall-Ufficcju tal-Ombudsman, Ufficcju tal-Awditur Ġenerali; għandna pajjiż bi pluraliżmu wiesa’ u mifrux inkluż fil-qasam tax-xandir u l-media anke dik diġitali; għandna pajjiż Membru tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ewro, għandna socjeta’ kważi multi-kulturali u miftuħa sew. Imma kif qal tajjeb il-President il-Kostituzzjoni trid tibqa strument ħaj li tevolvi skond l-ambjent ta’ madwarha.

Il-bieraħ ukoll onorajna għadd ta' membri tas-soċjeta' ċivili b'unuri ta' Ġieħ ir-Repubblika bħala sinjal ta' gratitudni u rikonoxxenza għas-servizz li dawn taw lin-nazzjon. Nixtieq nieħu din l-opportunita' sabiex nifraħ lil dawk kollha li l-bieraħ naghtaw unur, b’mod specjali imma liż-żagħżugħ Thomas Cremona, li verament kien ħaqqu l-applaws doppju li qala’ minn dawk preżenti. Thomas huwa simbolu tal-perseveranza u l-kuraġġ ta’ persuna li mhux biss iġġieled il-marda kiefra tal-kanċer iżda fittex li jkun ta’ servizz għall-ħaddiehor permezz tal-attivita’ sportiva tal-qdif fejn saħansitra flimkien ma’ numru ta’ żgħażagħ ohra qasam l-Atlantiku f’ħin rekord.

Oct 29, 2010

Tislima lil Borg Olivier

Bħal llum tletin sena ilu, Malta tilfet wiehed mill-aqwa statisti u mexxejja politici taghha: George Borg Olivier, missier Malta Indipendenti. Borg Olivier kien beda bhala kap tal-Partit Nazzjonalista fl-1950, hekk kif miet Dr.Nerik Mizzi. Serva wkoll bħala Prim Ministru u anke Kap tal-Oppożizzjoni. Bħala Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż stinka bis-shih halli pajjizna jaghzel it-triq tal-indipendenza politika. Ma kienx facli tikkonvinci l-poplu li din kienet l-ahjar triq wara snin shah ta’ dipendenza fuq tmexxija barranija. Izda ma qatax qalbu, kompla jaqdef kontra l-kurrent u wara li nnegozja Kostituzzjoni gdida rebah ir-referendum ghall-Indipendenza.

Bil-fatti wera kif hu, u l-Partit Nazzjonalista, kellhom fiduċja li l-poplu tagħna seta’ jimxi triq gdida u jibni ekonomija li bil-mod il-mod tinfatam minn dipendenza ta’ stat bazi militari. Il-fiduċja hija element konsistenti fit-tmexxija ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti suċċessivi. L-indipendenza, it-tishih tad-demokrazija, is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, is-sħubija ta’ Malta fil-munita komuni Ewropea – kollha għandhom element komuni: il-fiduċja li l-PN għandu fil-kapacitajiet tal-poplu Malti.

Iż-żmien ta raġun lil Borg Olivier, l-istess kif ta lill-mexxejja ta’ warajh li wkoll għamlu deċiżjonijiet ibbażati fuq il-fiduċja. Fiduċja li hija reċiprokata minn poplu grat li llum jagħraf l-għaqal ta’ dawk id-deċiżjonijiet. Borg Olivier ħejja l-pedament u l-mexxejja ta’ warajh għarfu jkomplu jibnu u jsawwru l-identita’ ta’ poplu u dak kollu li ghandna llum. Ta’ dan kollu nsellmulu.