Showing posts with label Sikka l-Bajda. Show all posts
Showing posts with label Sikka l-Bajda. Show all posts

Oct 12, 2012

Wake up Leo !


Tal-Labour dejjem iridu jaraw ma xiex jaqbdu u jfettqu. Il-Ministeru tiegħi f’dawn il-ġranet beda proċess biex ninstallaw turbina tar-riħ fuq is-Sikka l-Bajda. Din se sservi biex l-istudju li qed jevalwa l-impatt tat-turbini fuq l-għasafar ikun aktar fid-dettal u preċiż. Hekk fil-fatt irrakkomanda l-EIA (Environment Impact Assessment) li għadu kemm tlesta. Il-Gvern applika biex jinkisbu fondi ewropej għal din it-turbina.  L-għan aħħari tagħna jibqa dak li fuq dik is-Sikka ninstallaw windfarm li jagħtina madwar 100 MW ta’ enerġija mir-riħ.
 
Iżda oħloq il-għaġeb xi ħaġa purament teknika tal-Labour ukoll jaqbdu magħha u jipruvaw idawruha f’ballun politiku bla bżonn. Biss bħas-soltu jiżolqu fin-niexef. Leo Brincat qalilna li l-Gvern żamm kollox mistur.  Mistur ?! L-istudju fuq l-impatt ambjentali tal-wind farms diġa ngħata lill-istakeholders biex jibgħatu l-kummenti tagħhom. U probabilment kien proprju għalhekk li ġurnal lokali (The Times) kien pro-attiv u talab lill-Gvern għall-kumment.  
 
Il-Gvern miexi bil-pjan kif maqbul mal-Unjoni Ewropea fuq kif pajjiżna sas-sena 2020, 10% tal-enerġija li nikkunsmaw f’Malta trid tkun ġejja minn sorsi nodfa. Dan se jkun miksub b’enerġija nadifa ġġenerata mir-riħ, mix-xemx u mill-iskart. Tant kemm pajjiżna miexi fid-direzzjoni t-tajba li l-impjant ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala beda jiġġenera l-enerġija u is-sub target tal-panelli fotovoltajiċi għas-sena 2012 se jkun inqabeż bl-investiment qawwi li sar u bl-għajnuna ta’ diversi skemi imnehdija mill-Gvern.  
 
Hija ħasra li f’pajjiżna għandna Opposizzjoni li dejjem moħħa biex tfixkel. Kienet kontra l-immodernizzar tal-impjant ta’ Sant’ Antnin, saħansitra Dott Muscat prova jtellef fondi Ewropej lil Malta għal dan il-proġett u anki fuq il-Windfarms l-istess Dott Muscat f’Wied Rini mar ibeżża l-bdiewa li l-windfarms jipperikolaw il-watertable.  Imbaghad Leo Brincat kompla għaxxaqha.  Qalilna li “l-Gvern imissu jghidilna x’se jaghmel u jippublika l-pjani tieghu”.  Ghadu ma jafx li l-pjan ilu ppublikat u saħansitra mogħti lill-Kummissjoni Ewropea ! Wake up Leo ! Dan hu l-periklu li qed jaffaċċa pajjiżna, Opposizzjoni mħawda li ma tafx xi trid u li magħha ħadd ma jaf fejn qiegħed.

Oct 2, 2011

Zjara utli hafna fl-Iskozja

Ghadni kemm temmejt żjara qasira iżda ntensa ħafna f’Aberdeen fl-Iskozja li l-għan tagħha kien biex nġeddu u nsaħħu r-relazzjonijiet tagħna fil-qasam ta’ deep offshore wind energy installations, jiġifieri installazzjonijiet f’baħar fond ta’ aktar minn 30 metru. L-Iskozja tibqa’ wieħed mill-aktar pajjiżi fejn din it-teknoloġija qed tiżviluppa b’mod l-aktar mgħaġġel, anke għax irnexxielhom iżewwġu flimkien l-esperjenza li għandhom fil-qasam tal-bini ta’ pjattaformi taż-żejt (oil rigs) mal-bini ta’ turbini tar-riħ.

Kellna laqgħat ma’ riċerkaturi, operaturi u awtoritajiet kompetenti fejn ġejna aġġornati bl-iżviluppi li seħħew fl-Iskozja f’dawn l-aħħar snin fil-qasam tal-generazzjoni tal-enerġija nadifa minn deep offshore wind turbine installations. Matul il-laqgħat li kellna qsamna wkoll l-esperjenza taghna tal-istudji li qed naghmlu biex fuq is-Sikka l-Bajda jkollna windfarm li jaghti lil pajjizna madwar 95MW ta’ enerġija nadifa. Il-fond tal-baħar tas-Sikka l-Bajda huwa wieħed bejn 15 u 30 metru u għalhekk huwa kkunsidrat bħala shallow offshore installation. Is-Sikka l-Bajda hija l-uniku sikka f’pajjiżna b’daqs u fond li jagħmilha viabbli li jkollna windfarm fi żmien ragonevoli. Hemm sikek oħra izda huma zgħar wisq u/jew viċin wisq tal-art.

Għaldaqstant jinteressa sew lil pajjiżna jibda jħares lil hemm mill-progett tas-Sikka l-Bajda biex eventwalment nagħrfu nisfruttaw il-wesgħat ferm akbar ta’ baħar li għandna b’fond ta’ bejn 45 u 70 metru. Wieħed irid jifhem ukoll li l-installazzjoni tal-interconnector, li dalwaqt se jkollna mal-grid Ewropew, se jagħmilha ferm aktar faċli li stallazzjonijiet ta’ turbini tar-rih joperaw fit-territorju tagħna ghax se jkunu jistgħu jitfghu l-energija li jiġġeneraw fuq grid ferm akbar.

Matul din iż-żjara, id-delegazzjoni ttieħdet tara żewġ turbini tar-riħ li jiġġeneraw madwar 5MW u huma nstallati f’baħar ta’ madwar 45 metru fond. It-turbini ġew installati fl-2006 u jiffurmaw parti mill-Beatrice Project li kien ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. F’din iż-żjara ddiskutejna wkoll l-iżvilupp ta’ kollaborazzjoni akbar fil-qasam tar-ricerka bejn l-Universita’ ta’ Malta u l-Universita' ta’ Aberdeen. Laqtitni ħafna l-kolloborazzjoni sħiħa li din l-Universita’ għandha permezz tal-iScottish European Green Energy Centre mal-iScotish Development International u l-industrija. Jidher ċar li l-Iskozja qed tinvesti hafna fir-riżorsi umani biex tibqa leader ewlieni f’teknoloġiji bhal dawn, u ċert li b’kollaborazzjoni akbar magħhom se nibbenifikaw.

Feb 6, 2011

Hemm rih sufficjenti

Ghadna kif ħabbrana r-riżultati tal-ewwel sena ta’ studju fuq ir-riħ bħala parti mill-proċess għall-istallazzjoni ta’ windfarm fuq is-Sikka l-Bajda. F’Novembru tal-2009 tellajna fl-Aħrax tal-Mellieħa, arblu biex ikollna studji aktar dettaljati u reali tar-riħ li jgħaddi miż-żona tas-Sikka l-Bajda, post li għażilna biex nistudjaw aktar fil-fond il-possibilita li jsiru windfarms fil-baħar.

Irrid infakkar li pajjiżna hu obligat li sas-sena 2020, 10% tal-enerġija li jikkonsma trid tkun ġejja minn sorsi nodfa. Mill-istudji li saru mifruxa fuq is-sena 2010 jirrizulta biċ-ċar li r-riħ li hemm fiż-żona tas-Sikka l-Bajda huwa tajjeb bizzejjed biex il-windfarm teknikament huwa viabbli. Dan il-proċess tal-istudji tar-riħ huwa biss parti minn proċess twil li jinkludi analizi tal-impatt ambjentali kif ukoll il-viabilita’ ekonomika.

Bir-riħ li ġie kkalkultat matul is-sena ta’ studju, il-windfarm tas-Sikka l-Bajda kien jiġġenera madwar 200GWh ta’ eletriku li hu ekwivalenti għal 10.2% tat-total ta’ eletriku li ssupplixxiet l-Enemalta fl-istess perijodu. Dan l-eletriku ġġenerat huwa daqs kemm jikkunsmaw madwar 40,000 familja fis-sena.

Din hija l-uniku sikka kbira bizzejjed fl-inhra taghna li toffrilna l-opportunita’ ninstallaw windfarm b’madwar 18-il turbina f’shallow waters. Shallow waters ifisser sa fond ta’ madwar 30 metru. Sa llum ghad ma hawnx sistemi stabbiliti ghal deep offshore, igifieri f’fond ta’ aktar minn 30 metru. Ghaddejja ricerka fuqhom u meta dawn ikunu zviluppati definittivament li joffrulna opportunitajiet ferm akbar.

Biex pajjiżna jilħaq il-miri stabbiliti, għandu bżonn jagħmel użu minn sorsi differenti ta’ enerġija alternattiva, billi jkunu sfruttati r-riżorsi kollha possibbli bħar-riħ, ix-xemx u l-iskart. B’dan ir-riżultat mill-istudji tar-riħ miksub, il-windfarm tas-Sikka l-Bajda kienet tlaħħaq mat-terz tal-mira ta’ 10%.

Apr 7, 2009

Viabilita'

Il-kritika hija aspett importanti fil-politika. Trid u ma tridx, il-kritika hija waħda mill-għodod l-aktar użati mill-politiċi. Ngħid għalija l-kritika ma ddejjaqnix sakemm tkun oġġettiva u realistika.

Fil-kuntest ta’ kritika, wieħed ma jistax ma jikkummentax fuq il-fatt li l-Alternattiva Demokratika spiss tkun minn ta’ quddiem nett biex tikkundanna proġetti ta’ fejda ambjentali u t’importanza nazzjonali meta l-anqas biss ikun nbeda l-proċess tal-MEPA. L-aħħar każ huwa l-proġett propost tal-windfarms fis-Sikka l-Bajda.

L-uffiċjali tal-AD għandhom jistennew ukoll li jsir il-proċess tal-Environment Impact Assessment (EIA) qabel ma jesprimu ruħhom fuq il-vjabilita’ ambjentali tal-proġett li kif suppost li taf tajjeb l-AD, huwa t'importanza fundamentali biex pajjiżna jasal biex jilħaq il-miri ta’ 10% tal-enerġija ta’ pajjiżna li tkun iġġenerata minn sorsi nodfa sal-2020.

Huwa faċli li tikkritika, kif qed tagħmel l-AD, u fl-istess waqt donnhom jinsew il-kuntest tad-diffikultajiet li jeżistu f’Malta, ewlenin fosthom huwa l-limitazzjonijiet tat-territorju u l-fatt li tagħmel x’tagħmel se jkun ikkawżat impatt. Minflok tikkritika, l-AD imissha tkun proattiva u minn ta’ quddiem nett biex tipproponi hi wkoll soluzzjonijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Gvern u minn nies tekniċi tiegħu. Minflok ma jimxi waħdu, l-Gvern qabbad nies esperti u tekniċi, inkluż ambjentalisti ta’ esperjenza u flimkien magħhom ikkunsidra numru ta’ punti u wara fassal il-proposta tiegħu.

Jekk ma jintlaħqux dawn il-miri ma jkunx falla l-Gvern imma l-pajjiż kollu, inkluż l-uffiċjali tal-AD. Ikun tilef il-Gvern, ikun tilef il-pajjiz u fuq kollox ikun tilef l-ambjent.