Showing posts with label haxix. Show all posts
Showing posts with label haxix. Show all posts

Jun 1, 2011

Il-katina tal-bejgh tal-haxix

Il-Ġermanja rrapportat 14-il każ ta’ mewt assoċjati mal-konsum ta’ ħjar li allegatament kien ikkotaminat b’varjant ta’ bacteria magħrufa bħala E. coli. Gew infettati ‘l fuq minn 1000 persuna. Il-konsenji ta’ ħjar oriġinaw minn Spanja imma għad ma ġietx stabbilita konnessjoni diretta bejn il-kontaminazzjoni u l-pajjiż tal-oriġini, u lanqas għad mhu magħruf f’liema stadju tal-katina tal-ikel saret il-kontaminazzjoni – jekk hux waqt it-tkabbir tal-ħxejjex, waqt it-trasport, l-ippakkjar jew saħansitra fil-proċess tat-tqegħid tagħhom fuq l-ixkafef għall-bejgħ lill-konsumatur. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-awtoritajiet fil-Ġermanja rrakkomandaw li l-ikel jkun maħsul bir-reqqa u msajjar.

Sadanittant minbarra t-telf ta’ numru ta’ ħajjiet li mgħandhomx prezz u li ma jistgħux jiġu rkuprati, il-pajjiżi esportaturi qed isofru tnaqqis fid-domanda għall-prodotti, partikolarment ħxejjex li joriġinaw minn Spanja. Spanja qed tghid li qed titlef mal-170 miljun euro fil-gimgha ! Waqt il-laqgha tal-Ministri tal-Agrikoltura fl-Ungerija li attendejt ghalija, il-Kummissjoni Ewropea ntalbet iddaħħal miżuri ta’ emerġenza biex jitħares is-suq tal-produzzjoni u ma jintilfux l-impjiegi fost il-produtturi.

F’ħafna pajjiżi llum l-ikel m’għadux jinbiegħ dirett mill-bidwi – u bla dubju l-fatt li l-ikel li nieklu jgħaddi minn diversi stadji, bħall-ippakkjar jew ipproċessar, qabel ma jasal għand il-konsumatur iżid ir-riskji ta’ mard u ma jgħinx biex wieħed jistabbilixi malajr is-sors u l-istadju ta’ kontaminazzjoni. Wara diversi ġranet, l-awtoritajiet fil-Ġermanja għadhom jissieltu biex jistabbilixxu eżatt x’seta’ wassal għal dawn l-inċidenti, u minn dan joħroġ ċar il-vantaġġ ta’ katina tal-ikel qasira u l-opportunitajiet li għandna f’Malta fejn nistgħu nixtru l-ħaxix tagħna dirett mingħand il-bidwi u b’assigurazzjoni akbar dwar l-origini u l-mod ta’ produzzjoni. Dan jikkumplimenta vantaġġi oħrajn bħalma huma t-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ carbon dioxide fl-arja relatati mat-transport tal-ikel fuq distanzi twal, u ħlas aktar ġust lill-bidwi għall-prodotti li jkabbar. Ovvjament xorta għandna nieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa u nnaddfu sew l-ikel qabel nikkonsmawh.

Jan 17, 2011

Ghas-servizz tal-bidwi u l-konsumatur

Fl-aħħar jiem ħadna azzjoni oħra konkreta favur il-bdiewa u l-konsumaturi. Kemm jien personali, kif ukoll bħala Ministeru, konna ilna ħafna nirċievu ilmenti fuq is-servizz fqir li kienu qed jingħataw il-bdiewa minn min kien suppost qed jaħsel il-kaxxi li jintużaw għall-ġarr ta’ ħaxix u frott frisk.

Ilmenti simili kienu wkoll ippublikati. Minkejja l-fatt li konna ilna snin twal nippruvaw nikkonvinċu lill-kumpanija Pitkali Crates Limited (li hija kumpanija privata) biex ittejjeb is-servizz li kienet fid-dmir li tagħti lill-bdiewa u lill-konsumaturi, din il-kumpanija baqgħet qatt ma tejbet is-servizz offrut. Il-Pitkali Crates Ltd kellha management agreement mal-Gvern li permezz tieghu kienet tiehu persentagg minghand il-Gvern fuq il-volum ta' haxix li jghaddi mill-Pitkalija ghall-hasil tal-kaxxi tal-haxix. Konna diga naqqas parti mill-has izda s-servizz baqa ma hazin kif kien.

Kien għalhekk li ma kellniex għażla oħra ħlief li nitterminaw il-kuntratt li kellha din il-kumpanija. Sabiex kollox jibqa’ miexi b’normalita’, ħejjejna pjan alternattiv u bdejna nipprovdu s-servizz ta’ ħasil tal-kaxxi b’mod immedjat permezz tal-ħaddiema tal-Gvern. Dan qed isir għal perijodu ta’ żmien sakemm jinstab operatur ieħor li jintgħażel biex jagħti dan is-servizz. Apparti s-servizz tal-ħasil tal-kaxxi, l-Ministeru xtara wkoll numru ta’ kaxxi ġodda sabiex ikun jista’ jlaħħaq mad-domanda u b’hekk f’dan il-mument ta’ tranżizzjoni ma jbatix il-bidwi u l-konsumatur.

Id-differenza diġa bdiet tinħass u numru ta’ bdiewa li tkellmu mal-media lokali qalu li huma sodisfatti bl-indafa tal-kaxxi li fihom huma qed ipoġġu l-prodott frisk tagħhom. Il-Malti jgħid li l-ewwel ma tiekol l-għajn. Ma stajniex ma naġixxux kontra min kien qed iħalli l-kaxxi maħmuġin b’riskju li l-prodott frisk u ġenwin tal-bidwi ma jitwassalx nadif għand il-konsumatur. Tkun ħasra wkoll li kieku l-bidwi kien jitħalla jbati minħabba n-nuqassijiet ta’ ħaddieħor ! Aħna mpenjati biex flimkien inkomplu nagħmlu l-qabża ta’ kwalità fil-mod ta’ kif jasal il-prodott frisk lokali għand il-konsumatur.