Sadanittant minbarra t-telf ta’ numru ta’ ħajjiet li mgħandhomx prezz u li ma jistgħux jiġu rkuprati, il-pajjiżi esportaturi qed isofru tnaqqis fid-domanda għall-prodotti, partikolarment ħxejjex li joriġinaw minn Spanja. Spanja qed tghid li qed titlef mal-170 miljun euro fil-gimgha ! Waqt il-laqgha tal-Ministri tal-Agrikoltura fl-Ungerija li attendejt ghalija, il-Kummissjoni Ewropea ntalbet iddaħħal miżuri ta’ emerġenza biex jitħares is-suq tal-produzzjoni u ma jintilfux l-impjiegi fost il-produtturi.
F’ħafna pajjiżi llum l-ikel m’għadux jinbiegħ dirett mill-bidwi – u bla dubju l-fatt li l-ikel li nieklu jgħaddi minn diversi stadji, bħall-ippakkjar jew ipproċessar, qabel ma jasal għand il-konsumatur iżid ir-riskji ta’ mard u ma jgħinx biex wieħed jistabbilixi malajr is-sors u l-istadju ta’ kontaminazzjoni. Wara diversi ġranet, l-awtoritajiet fil-Ġermanja għadhom jissieltu biex jistabbilixxu eżatt x’seta’ wassal għal dawn l-inċidenti, u minn dan joħroġ ċar il-vantaġġ ta’ katina tal-ikel qasira u l-opportunitajiet li għandna f’Malta fejn nistgħu nixtru l-ħaxix tagħna dirett mingħand il-bidwi u b’assigurazzjoni akbar dwar l-origini u l-mod ta’ produzzjoni. Dan jikkumplimenta vantaġġi oħrajn bħalma huma t-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ carbon dioxide fl-arja relatati mat-transport tal-ikel fuq distanzi twal, u ħlas aktar ġust lill-bidwi għall-prodotti li jkabbar. Ovvjament xorta għandna nieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa u nnaddfu sew l-ikel qabel nikkonsmawh.
No comments:
Post a Comment