Fl-aħħar jiem ħadna azzjoni oħra konkreta favur il-bdiewa u l-konsumaturi. Kemm jien personali, kif ukoll bħala Ministeru, konna ilna ħafna nirċievu ilmenti fuq is-servizz fqir li kienu qed jingħataw il-bdiewa minn min kien suppost qed jaħsel il-kaxxi li jintużaw għall-ġarr ta’ ħaxix u frott frisk.
Ilmenti simili kienu wkoll ippublikati. Minkejja l-fatt li konna ilna snin twal nippruvaw nikkonvinċu lill-kumpanija Pitkali Crates Limited (li hija kumpanija privata) biex ittejjeb is-servizz li kienet fid-dmir li tagħti lill-bdiewa u lill-konsumaturi, din il-kumpanija baqgħet qatt ma tejbet is-servizz offrut. Il-Pitkali Crates Ltd kellha management agreement mal-Gvern li permezz tieghu kienet tiehu persentagg minghand il-Gvern fuq il-volum ta' haxix li jghaddi mill-Pitkalija ghall-hasil tal-kaxxi tal-haxix. Konna diga naqqas parti mill-has izda s-servizz baqa ma hazin kif kien.
Kien għalhekk li ma kellniex għażla oħra ħlief li nitterminaw il-kuntratt li kellha din il-kumpanija. Sabiex kollox jibqa’ miexi b’normalita’, ħejjejna pjan alternattiv u bdejna nipprovdu s-servizz ta’ ħasil tal-kaxxi b’mod immedjat permezz tal-ħaddiema tal-Gvern. Dan qed isir għal perijodu ta’ żmien sakemm jinstab operatur ieħor li jintgħażel biex jagħti dan is-servizz. Apparti s-servizz tal-ħasil tal-kaxxi, l-Ministeru xtara wkoll numru ta’ kaxxi ġodda sabiex ikun jista’ jlaħħaq mad-domanda u b’hekk f’dan il-mument ta’ tranżizzjoni ma jbatix il-bidwi u l-konsumatur.
Id-differenza diġa bdiet tinħass u numru ta’ bdiewa li tkellmu mal-media lokali qalu li huma sodisfatti bl-indafa tal-kaxxi li fihom huma qed ipoġġu l-prodott frisk tagħhom. Il-Malti jgħid li l-ewwel ma tiekol l-għajn. Ma stajniex ma naġixxux kontra min kien qed iħalli l-kaxxi maħmuġin b’riskju li l-prodott frisk u ġenwin tal-bidwi ma jitwassalx nadif għand il-konsumatur. Tkun ħasra wkoll li kieku l-bidwi kien jitħalla jbati minħabba n-nuqassijiet ta’ ħaddieħor ! Aħna mpenjati biex flimkien inkomplu nagħmlu l-qabża ta’ kwalità fil-mod ta’ kif jasal il-prodott frisk lokali għand il-konsumatur.
No comments:
Post a Comment