Showing posts with label referendum. Show all posts
Showing posts with label referendum. Show all posts

Jun 1, 2011

Riflessjoni fuq il-vot tar-referundum

Minkejja l-konfuzzjoni kbira fl-imhuh li kien hemm, ir-rizultat tar-Referendum dwar id-divorzju hareg iktar car milli hafna stennew. Meta nanalizzaw u ninterpretaw ir-rizultat, irridu nharsu ukoll lejn in-numru kbir ta' nies li ghazlu li ma gabrux il-vot, dawk li ma marrux jivvutaw jew li hassru l-vot. Dawn flimkien jiffurmaw proporzjon kbira minn dawk li kellhom id-dritt ghal-vot. Jidher illi n-numru kbir ta’ dawk li kellhom dubji serji dwar kif ghandhom jivvutaw m’ghamlux kif hsibt jien li se jaghmlu, jigiefieri jivvotaw LE b’sens ta’ prudenza. Iddecidew izda li ma jmorru mal-ebda naha. Uhud probabilment ma tantx kienu konxji li b’hekk kienu se jiffavorixxu lil IVA. Setghu ghamlu hekk ukoll ghax kienu fil-fatt konxji. Hasbu x’hasbu, ir-rizultat hemm qieghed u issa l-Parlament mistenni li jirrispetta r-rizultat.

Nerga’ nghid li minkejja l-konfuzzjoni kbira fl-imhuh, hafna fehmu li d-domanda li kellhom jirrispondu ma kienitx jekk id-divorzju kienx haga tajba jew hazina fih innifsu, imma jekk kienx mehtieg bhala rimedju ghal sitwazzjoni socjali fejn il-koabitazzjoni setghet issir iktar popolari miz-zwieg. Jidher illi hafna hasbu illi wasalna f’dan, ghalkemm jien ma kontx konvint li kien hekk.

Il-Knisja baqghet tinsisti li d-divorzju kien hazin fih innifsu, imma il-maggoranza qaltilha: “Le mhux fuq dan il-punt li qeghdin nivvutaw.” Ohrajn hadu l-okkazjoni biex jattakkaw il-Knisja minflok jidhlu fil-fond tal-kwistjoni vera li kellna inwiegbu ghaliha.

Ghallanqas hareg punt komuni wara r-referendum: hemm bzonn li nziedu l-inizjattivi u l-mizuri li jsahhu l-istabbilita’ tal-familja, li tibqa priorita’ ghas-socjeta’ maltija.

May 26, 2011

Is-Sibt il-poplu jaghti l-opinjoni tieghu.

Il-kampanja tar-referendum dwar id-divorzju tintemm illum u nhar is-Sibt il-poplu jrid jagħti l-opinjoni tiegħu fuq il-mistoqsija li għandu quddiemu. Smajna ċerta spjegazzjoni raġunata miż-żewġ movimenti, imma wkoll smajna ħafna estremiżmi. Naħseb li f’certi mumenti l-kampanja aktar ipproduċiet duħħan milli dawl lill-votanti. Gruppi differenti li tnehdew tul il-kampanja donnhom aktar inxteħtu fuq l-estrem u ntesiet l-etika. U smajna wisq attakki fuq il-Knisja. F’xi mumenti, bdejt niddubita l-mistoqsija tar-referendum hix dwar id-divorju, inkella hix dwar il-Knisja.

Dwar id-divorzju, jien għandi mhux biss fehma personali imma wkoll dmirijiet li joħorġu mill-fatt li jien qiegħed fil-Parlament. Naħseb li mil-lat soċjali u pubbliku, hemm xi tgħid favur u hemm xi tgħid kontra d-divorzju.

Nemmen li l-ewwel irridu naraw x’għandna quddiemna bħala fatti fit-tessut soċjali tal-pajjiż. Irridu nistaqsu: għandna daqstant diżordni fiż-żwiġijiet li jeħtiġilna ndaħħlu d-divorzju biex innaqqsu din id-diżordni? Jekk indaħħlu d-divorzju, inkunu qed noħolqu aktar diżordni fis-soċjeta’ li tkun akbar minn dik li nixtiequ nneħħu ?

Nista nifhem lil dawk għandhom problemi fil-ħajja personali tagħhom li jaqblu mad-divorzju għax itejbilhom ħajjithom. Min-naħa l-oħra, nibbilanċja dan bil-fehma tiegħi li bħala soċjeta’ għad m’hawnx daqstant diżordni fiż-żwiġijiet li jeħtiġilna ndaħħlu d-divorzju issa.

Fid-dawl tal-fatt li fadal numru sew ta’ mistoqsijiet u dubji u minhabba l-fatt li l-ligi ghad ma gietx diskussa sew, smajt bosta li aktarx jiddeciedu jimxu b’kawtela u aktarx jaddottaw il-precautionary principle u f’dan il-mument jivvotaw LE. Fl-aħħar mill-aħħar, imma, din hi kwisjtoni ta’ kuxjenza għal kull votant. Ladarba kulħadd għandu vot indaqs, nirrispetta l-vot ta’ kulħadd u nifhem ir-raġunijiet għala wieħed jista’ jivvota Iva u għala wieħed jista’ jivvota Le, kif se nagħmel jien.

Oct 3, 2009

Iva konvincenti

L-Irlandiżi taw l-approvazzjoni tagħhom għat-Trattat ta’ Lisbona b'sahha kbira fir-referendum li sar il-bierah. Ghalkemm ghadhom qed jinghaddu l-voti s'issa jidher li ftit aktar minn 66% tal-poplu Irlandiz qal IVA għat-Trattat ta' Lisbona. Fil-fatt dan kien it-tieni referendum wara li f’Ġunju tas-sena l-oħra kienu vvutaw bi ħġarhom kontra dan it-Trattat. Izda jidher li minn dakinhar kien hemm swing ta' 20% favur it-Trattat.

Bl-iva tal-Irlandiżi, l-Unjoni Ewropea tista’ tħares ‘l quddiem biex tibda timplimenta dan it-Trattat li se jġib bidliet importanti fil-mod kif topera u titmexxa l-Unjoni Ewropea. Dan it-Trattat jidħol fis-seħħ kif ikun hemm l-approvazzjoni tal-Istati Membri kollha. Issa fadal il-Polonja u r-Repubblika Ċeka li jridu jaghtu l-posizzjoni taghhom.

L-Irlanda effettivament waqfet dan il-proċess għax minn mindu kien sar l-ewwel referendum sar xogħol diplomatiku kbir biex ikunu indirizzati l-akbar issues għall-poplu Irlandiż, mhux l-inqas l-issue dwar jekk l-Irlanda jkollhiex tillegalizza l-abort. Din il-ħidma diplomatika wasslet biex ħafna minn dawk li vvutaw le fl-ewwel referendum issa bidlu l-opinjoni tagħhom għax fehmu li l-Irlanda kienet se tissalvagwardja ċertu drittijiet li għandha llum, bħal per eżempju tassazzjoni, issues ta’ newtralita’ u li l-Irlanda jibqa’ jkollha Kummissarju tagħha.

It-Trattat ta’ Lisbona se jolqot ukoll lil Malta fost l-oħrajn biż-żieda ta’ Membru Parlamentari iehor fil-Parlament Ewropew. L-Iva tal-Irlandiżi huwa vot favur bidliet li għandhom itejbu l-mod kif topera l-Unjoni Ewropea u Malta, li diġa rratifikat unanimament dan it-Trattat fil-Parlament, temmen li tista’ tkompli tibbenefika minn dawn il-bidliet.