May 26, 2011

Is-Sibt il-poplu jaghti l-opinjoni tieghu.

Il-kampanja tar-referendum dwar id-divorzju tintemm illum u nhar is-Sibt il-poplu jrid jagħti l-opinjoni tiegħu fuq il-mistoqsija li għandu quddiemu. Smajna ċerta spjegazzjoni raġunata miż-żewġ movimenti, imma wkoll smajna ħafna estremiżmi. Naħseb li f’certi mumenti l-kampanja aktar ipproduċiet duħħan milli dawl lill-votanti. Gruppi differenti li tnehdew tul il-kampanja donnhom aktar inxteħtu fuq l-estrem u ntesiet l-etika. U smajna wisq attakki fuq il-Knisja. F’xi mumenti, bdejt niddubita l-mistoqsija tar-referendum hix dwar id-divorju, inkella hix dwar il-Knisja.

Dwar id-divorzju, jien għandi mhux biss fehma personali imma wkoll dmirijiet li joħorġu mill-fatt li jien qiegħed fil-Parlament. Naħseb li mil-lat soċjali u pubbliku, hemm xi tgħid favur u hemm xi tgħid kontra d-divorzju.

Nemmen li l-ewwel irridu naraw x’għandna quddiemna bħala fatti fit-tessut soċjali tal-pajjiż. Irridu nistaqsu: għandna daqstant diżordni fiż-żwiġijiet li jeħtiġilna ndaħħlu d-divorzju biex innaqqsu din id-diżordni? Jekk indaħħlu d-divorzju, inkunu qed noħolqu aktar diżordni fis-soċjeta’ li tkun akbar minn dik li nixtiequ nneħħu ?

Nista nifhem lil dawk għandhom problemi fil-ħajja personali tagħhom li jaqblu mad-divorzju għax itejbilhom ħajjithom. Min-naħa l-oħra, nibbilanċja dan bil-fehma tiegħi li bħala soċjeta’ għad m’hawnx daqstant diżordni fiż-żwiġijiet li jeħtiġilna ndaħħlu d-divorzju issa.

Fid-dawl tal-fatt li fadal numru sew ta’ mistoqsijiet u dubji u minhabba l-fatt li l-ligi ghad ma gietx diskussa sew, smajt bosta li aktarx jiddeciedu jimxu b’kawtela u aktarx jaddottaw il-precautionary principle u f’dan il-mument jivvotaw LE. Fl-aħħar mill-aħħar, imma, din hi kwisjtoni ta’ kuxjenza għal kull votant. Ladarba kulħadd għandu vot indaqs, nirrispetta l-vot ta’ kulħadd u nifhem ir-raġunijiet għala wieħed jista’ jivvota Iva u għala wieħed jista’ jivvota Le, kif se nagħmel jien.

No comments: