Nov 19, 2007

Christmas Village


Bħalissa fil-Ministeru tiegħi qed inħejju biex bejn it-13 u s-16 ta’ diċembru li ġej norganizzaw Christmas Village fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali. L-idea nibtet wara li fl-aħħar jiem organizzajna b’suċċess Festa Familja fl-istess sit biex infakkru l-ftuħ ta’ l-estensjoni ta’ l-istess park. Il-mijiet ta’ familji li ġew u ħadu gost ġiegħluna naħsbu biex inkomplu nagħtu ħajja lil dan il-post li issa kompla jissebbaħ. Bil-festi tal-Milied dalwaqt magħna, ddeċidejna li norganizzaw numru ta’ attivitajiet fil-park b’mod li noħolqu villaġġ tradizzjonali tal-Milied.

Fost l-attrazzjonijiet ewlenin li se jkun hemm, wieħed se jsib korijiet ikantaw muzika tradizzjonali tal-Milied, ikel u xord tradizzjonali ta’ dawn iz-zminijiet, wirjiet marbuta mal-Milied, logħob għat-tfal u ma jistax jonqos li jkollna l-post armat b’dawl u tizjin tal-Milied.

Id-dħul għal dan il-villaġġ se jkun b’xejn u l-villaġġ se jkun miftuħ kuljum bejn l-10am sa’ tard filgħaxija. Il-Ħadd 16 ta’ diċembru l-attivitajiet jintemmu għall-ħabta tas-6pm. Biex inkunu ċerti li nolqtu l-gosti ta’ kulħadd ħsibna wkoll biex filgħaxija ntellgħu spettakli b’tema differenti u dawn se jkunu Christmas by Candlelight, Christmas with the Stars u Christmas Unplugged. Peress li l-lista ta’ kantanti għadha qed tiġi finalizzata, nħeġġiġkom biex issegwu l-mezzi tax-xandir għal aktar dettalji fil-jiem li ġejjin.

Nittama li narakom f’atmosfera ta’ ferħ biex flimkien niċċelebraw Milied kif jixraq.

1 comment:

Anonymous said...

Jien ha nigi zgur!!!