Jekk Alla jrid, f’Marzu li ġej l-impjant jitlesta minn kollox u jkun jista’ jibda jaħdem skond il-kapaċita’ kollha tiegħu. Ifisser ukoll li fi ftit xhur oħra minn dan l-impjant tibda tkun iġġenerata enerġija daqs kemm tintuza minn 1,400 dar 'sena. Dan l-impjant modern, li fih investejna mat-€23 miljun qed jippermettilna li nilqgħu fih materjal riċiklabbli. Irrid ngħid li r-rispons tal-pubbliku jimlina b’kuraġġ biex ninvestu aktar. Il-bieraħ għidt kif sa’ Settembru ta’ din is-sena ġbarna skart separat daqs kemm konna ġbarna fl-2007 kollha.
Mal-ġurnalisti dħalt taħt it-tinda magħluqa u magħhom stajt nara kif il-proċess kollu qed isir bl-anqas impatt possibli għar-residenti ta’ l-inħawi. Ftit metri biss bogħod mit-tinda fejn is-sir il-proċess ta’ riċiklar l-anqas biss tinduna bl-attivita’ kbira li tkun għaddejja. Fuq kollox, ma xxomm xejn. Urejna kif mhux veru dak li certi persuni kitbu fil-gurnali li gejja riha tintenn mill-impjant.
Kien b’kumbinazzjoni li z-zjara tiegħi tal-bieraħ seħħet jumejn biss wara li l-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew iddeċieda li ma jaċċettax petizzjoni li kienet saret mill-Front Kontra l-Impjant. Ghal darb'ohra dan il-Kumitat qal ċar u tond li fil-proċess kollu li wassal għall-immodernizzar ta’ l-impjant, l-awtoritajiet Maltin osservaw ir-regoli Ewropej.
Madwar tliet snin u nofs ilu kont inzilt ukoll hemmhekk u impressjonatni l-intolleranza ta’ udjenza ostili li dawret laqgħa suppost ta’ konsultazzjoni f’waħda ta’ konfrontazzjoni. Fost dawk li dakinhar rewħu l-konfrontazzjoni kien hemm il-mexxej attwali tal-MLP, li tgħidx kemm qala’ ċapċip meta ddikajra li kien se jagħmel ħiltu biex jiffrizalna l-fondi tal-Unjoni Ewropea !
No comments:
Post a Comment